Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli joffri sala għat-tagħmir mediku

Read in English.

Il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli fil-Ħamrun qed joffri s-sala tiegħu lill-awtoritajiet tas-saħħa għat-tliet xhur li ġejjin biex ġo fiha jinżamm it-tagħmir protettiv.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Kulleġġ, intqal li bħalissa l-ħaddiema tal-Kulleġġ qegħdin jippreparaw is-sala biex mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, jibdew jinħażnu ġo fiha ammonti kbar ta’ tagħmir protettiv li jiġi esportat lejn Malta biex jintuża fil-pandemija.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Victor Galea qal, “Ninsabu sodisfatti li l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli wkoll qed jikkontribwixxi waqt dan iż-żmien tal-pandemija Covid-19 u mill-ġimgħa d-dieħla s-sala tal-Iskola tal-Mużika li tinsab fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun se tingħata lill-awtoritajiet tas-saħħa għat-tliet xhur li ġejjin.”

Il-Kap tal-Iskola tal-Mużika fi ħdan il-Kulleġġ, Maria Bianco, stqarret li tħossha kburija li l-Kulleġġ se jagħti sehem żgħir fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Minn meta l-iskejjel għalqu l-bibien tagħhom fit-13 ta’ Marzu, l-għalliema ta’ dan il-Kulleġġ raw li jżommu kuntatt mal-istudenti u jkomplu bil-lezzjonijiet virtwalment.

Ilbieraħ tħabbru tliet każijiet ġodda tal-coronavirus, dawk ta’ omm u binha Maltin li ma kellhomx sintomi, u raġel Għawdxi li rriżulta fil-pożittiv meta sarlu t-test huwa u dieħel għax-xogħol. 13% tal-każijiet tal-coronavirus f’Malta ma kellhomx sintomi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn