Il-kuġina tal-vittma f’Paceville b’appell lill-PM

Il-kuġina ta’ Zach Meli talbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jieħu azzjoni u jassigura li s-sigurtà taż-żgħażagħ f’postijiet bħal Paceville, li tisħaq li saru wisq perikolużi.
F’ittra li kitbet fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, il-kuġina ta’ Zach Meli spjegat kif dalgħodu, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena nqatel b’daqqa f’rasu minn żewġ barranin, mingħajr ma pprovokhom.
Il-kuġina ta’ Meli tinsisti li l-problema huma l-barranin, hekk kif spjegat ukoll kif ftit tax-xhur ilu, kuġin tagħha ieħor kien laqqat daqqa ġo rasu minn xi barranin, u serquh waqt li kien qed jistenna taxi sabiex jirritorna lura d-dar.
Fakkret ukoll fl-inċident riċenti, fejn kantanta Maltija u ħabiba tagħha ġew attakkati b’sikkina minn żewġ irġiel barranin biex jisirqulhom il-basktijiet.
Qalet li Meli kien maħbub minn kulħadd, u kien imur paceville sabiex jiltaqa’ ma sħabu. Tinsisti li kellu ċans li jagħmel xi ħaġa b’ħajjtu, ċans li issa jidher li sfaxxa fix-xejn.
Il-mara stqarret li Malta waslet f’punt fejn hemm bżonn li tittieħed azzjoni llum qabel għada.