Il-kuċċiera tal-karozzini bi protest ġudizzjarju; “Ir-regoli l-ġodda illegali”

L-assoċjazzjoni tas-sidien u l-kuċċiera tal-karozzini ressqet protest ġudizzjarju l-qorti, li jgħid li l-liġi l-ġdida li tillimita s-sigħat tal-użu tal-karozzin hija “irregolari u illegali.”

49 membru ta’ din l-assoċjazzjoni esprimew t-tħassib tagħhom fuq din il-liġi l-ġdida, li hi parti mill-Att tal-Ħarsien tal-Annimali, u li ma tħallihomx jużaw iż-żwiemel bil-karozzini bejn is-1pm u l-4pm f’Lulju u f’Awwissu. L-avviż legali jgħid ukoll li kull żiemel għandu jintuża sa massimu ta’ tlett ijiem fil-ġimgħa. Min jinqabad jikser dawn ir-regoli jeħel multa li tista’ togħla sa €65,000.

Huma qalu li bir-regolamenti l-ġodda, il-kuċċiera qed jispiċċaw bla xogħol, peress li mhux qed jitħallew jaħdmu fl-iżjed xhur li jkun hawn turisti f’Malta. Spjegaw li b’hekk, dan se jkollu effett negattiv fuq l-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom.

Aqra: Daqshekk karozzini fit-toroq bejn is-1pm u l-4pm fl-eqqel tas-sajf

Apparti dan, argumentaw li ma kienx hemm konsultazzjoni xierqa mal-assoċjazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet. Kien hemm biss żewġ laqgħat, waħda sena ilu u oħra ftit qabel ma ġew ippubblikati r-regolamenti l-ġodda. Żiedu jgħidu li meta talbu kopja tal-liġi qabel tiġi ppubblikata biex jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom, huma ma ngħatawx kopja.

Qalu wkoll li l-avviż legali nnifsu huwa “irregolari u illegali” peress li l-liġi ewlenija ma tħallix lill-Ministru jiddelega deċiżjonijiet bħal dawn lid-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali. Għaldaqstant, qalu li d-Direttur ma kellux il-poter joħroġ il-linji gwida li eventwalment saru liġi. Qalu li għalhekk, l-avviż legali għandu jiġi revokat. Minkejja li dan l-avviż inħareġ mill-Ministeru għall-Ambjent, il-protest ġudizzjarju jgħid li kellu jinħareġ mill-Ministeru għat-Trasport, peress li l-karozzin huwa mezz tat-trasport.

L-assoċjazzjoni appellat lill-Ministru għall-Ambjent, lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, lid-Direttur tal-Ħarsien tal-Annimali u lill-Avukat Ġenerali biex jirrevokaw il-liġi l-ġdida.