Il-ktieb dwar il-qtil ta’ Daphne fost ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020

Daphne-Caruana-Galizia-3-Years-Bidnija
Miguela Xuereb

Il-ktieb ‘Murder on the Malta Express: Who killed Daphne Caruana Galizia?’ Rebaħ il-premju għall-aħjar ktieb fil-kategorija  ‘letteratura mhux fittizja.’

L-awturi ta’ dan il-ktieb huma Carlo Bonini, Manuel Delia, u John Sweeney.

Sweeney, ġurnalist ingliż, flimkien ma’ l-editur ta’ La Repubblica Carlo Bonini u l-blogger u ġurnalist Manuel Delia, ppublikaw dan il-ktieb jumejn qabel it-tieni anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet b’karozza bomba, ftit il-bogħod mid-dar tagħha fil-bidnija, fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Intant, is-Sibt filgħodu, Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com iħabbru l-pubblikazzjoni ta’ ktieb li jġbor fih xogħlijiet artistiċi li kienu parti minn installazzjoni artistika fi Pjazza l-Assedju l-Kbir tal-Belt Valletta waqt it-tifkira tat-tielet anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ktieb, li hu pubblikazzjoni ta’ Midsea Books, jiġbor fih xogħlijiet ta’ pitturi, fotografi, poeti u karikaturisti li rrakkontaw lil Daphne Caruana Galizia f’ħajjitha, fil-qtil tagħha u fix-xitel li nibet fl-irmied tal-assassinju tagħha.

Il-ktieb jinkludi xogħlijiet ta’  Robert Agius, Marisa Attard, Steve Bonello, Jon Borg, Rosa Borg, Celia Borg Cardona, Paul Borg Olivier, Burlò, Debbie Caruana Dingli, Paul Ellul, Cédric Falzon, Joe ‘Spider’ Farrugia, Gattaldo, Ġorġ Mallia, Immanuel Mifsud, Pepito, Pippa Zammit Cutajar, Darrin Zammit Lupi, and Zigli Jonathan Borg. Id-diżinn huwa ta’ Ġorġ Mallia.  

Il-kollezzjoni artistika hi akkurata minn Alessandra Dee Crespo, attivista ta’ #occupyjustice u President-Elett ta’ Repubblika.

Il-Ġimgħa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 għal kotba ppubblikati fl-2019. Dan il-Premju jiċċelebra pubblikazzjonijiet bl-ogħla kisbiet letterarji u ta’ riċerka mqassmin f’disa’ kategoriji differenti.

Minħabba ċ-ċirkustanzi straordinarji ċ-ċerimonja saret għall-ewwel darba online mill-paġna tal-Facebook u s-sit tal-KNK, u tmexxiet mill-preżentatur veteran sinonimu mal-kotba John Demanuele.

Il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 ammontaw għal 44 ktieb.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa:

Ir-rebbieħ fil-Kategorija ‘Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż’

Ġorġ peresso għall-ktieb – Il-Wiċċ l-ieħor

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘poeżija bil-Malti’

John Aquilina għall-ktieb – Tluq

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘poeżija bl-Ingliż’ – Il-premju ma ngħatax
Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘novelli bil-Malti u bl-Ingliż’

Aleks farrugia għall-ktieb – Għall-glorja tal-patrija!: Kapriċċi patrijottiċi

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘drama bil-Malti u bl-Ingliż’

Simone Spiteri għall-ktieb – Żewġ drammi: appuntamenti/repubblika immakulata

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘ traduzzjoni’

Il-premju ma ngħatax

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘letteratura mhux fittizja’

Carlo Bonini, Manuel Delia, u John Sweeney għall-ktieb – Murder on the Malta Express: Who killed Daphne Caruana Galizia?

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘riċerka ġenerali’

Arnold Cassola għall-ktieb- The joannes Gennadius Maltese treasure trove in Athens

Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘riċerka bijografika u storjografika’

Jonathan Farrugia (ed.) għall-ktieb – Ir-Redentur: History, art and cult of the miraculous effigy of Christ the Redeemer at Senglea

Premju għall-aħjar produzzjoni ta’ ktieb bl-isbaħ dehra  

Horizons għall-ktieb – The unreality of realism: an insular perspective on the development of modern art

Poeta lawreat

John Aquilina

L-aħjar awtur emerġenti

Lara Calleja

Premju għall-kontribut siewi fil-qasam tal-kotba u l-letteratura

Trevor Żahra

Fid-diskors tiegħu tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qal li l-2020 kienet sena diffiċli għall-industrija tal-kotba f’Malta, l-aktar minħabba l-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-imxija iżda anki minħabba li dan seħħ eżatt wara l-kriżi politika tas-sena l-oħra. Żied li, minkejja dawn, il-pubblikaturi u l-awturi komplew b’xogħolhom kif għamel il-KNK stess, ngħidu aħna bl-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Camilleri rrimarka li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa minnu nnifsu ċelebrazzjoni tal-kultura letterarja lokali, u allura bil-premjazzjoni tal-aħjar kotba ppubblikati fl-2019 il-Kunsill qiegħed ukoll jirringrazzja lill-awturi u l-pubblikaturi tax-xogħol imprezzabbli tagħhom. Innota li minkejja t-theżżiża tal-imxija, ix-xettru li l-kotba jġorru bħala ż-żerriegħa taċ-ċivilizzazzjoni għadu parti mill-qalba soċjali tal-pajjiż.