Il-KSU jmeri lid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ikkundanna u ċaħad l-allegazzjonijiet li l-Kunsill hu affiljat ma’ partit politiku u li jirrappreżenta biss numru żgħir ta’ student.
Fi stqarrija, il-KSU qal li hu għaqda studenteska volontarja u soċjo-politika mingħajr interessi politiċi.
KSU ħareġ din l-istqarrija wara li nhar is-Sibt li għadda, il-Professur Kevin Aquilina, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, kiteb f’The Times of Malta, li bħalissa l-politika studenteska fl-Università għaddejja minn kriżi, hekk kif l-għaqda Pulse mhix se tikkontesta l-elezzjonijiet għall-KSU.
Skont Prof. Aquilina din il-problema hi riżultat ta’ ineffiċjenza fl-istatut tal-KSU għax il-Kunsill dejjem ikun magħmul minn 11-il membru tal-istess għaqda studenteska.
Aquilina qal li s-sistema preżenti mhix demokratika u sostna li hi tal-mistħija.
KSU qal li għall-kuntrarju ta’ din l-impressjoni, il-proċedura elettorali fil-fatt tippermetti li l-eżekuttiv tiegħu jkun magħmul minn studenti ta' għaqdiet differenti, imma fil-passat l-istudenti dejjem eleġġew 11-il membru mill-istess għaqda.
Il-Kunsill ikkundanna l-appoġġ ta’ bojkott mill-elezzjonijiet mingħajr raġuni valida u sostna li minnu nnifsu dan l-aġir mhux demokratiku.
Ritratt: KSU