Il-KSU b’€60,000 f’fondi għal studenti universitarji

€60,000 f’fondi għall-istudenti universitarji ġew imnedija mill-Kunsill Studenti Universitarji bħala parti mill-Programm ta’ Finanzjament tal-Kunsill għall-2018.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta’ Malta fejn intqal ukoll li din is-sena l-Kunsill żied il-fondi b’ammont sostanzjali u għamel bidliet varji sabiex ikompli jgħin lill-istudenti u lill-organizzazzjonijiet tal-istudenti.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima, irringrazzja lill-Kunsill tax-xogħol li jagħmel għall-istudenti u saħaq is-sodisfazzjon tiegħu meta jara l-attiviżmu studentesk.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat, issemmew il-bidliet li saru f’dan ir-rigward, bl-iktar waħda prominenti tkun it-tneħħija tal-KSU Research & Opportunity Fund, li ġiet sostitwita mill-KSU International Opportunities Fund u l-KSU Research & Resources Fund, li jikkonsistu f’€15,000 u €5,000 rispettivament.
Il-Kunsill żied il-limitu massimu għall-inizjattivi internazzjonali singulari minn €400 għal €600, li jippermettu lill-istudenti jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi bħall-volontarjat u exchanges f’kontinenti oħra.
Skont l-istqarrija, il-KSU ħoloq mill-ġdid il-Fond tat-Trasport b’kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Total ta’ €10,000 tqassam fil-forma ta’ kreditu ġo Tal-Linja Card lil 150 student.
Fejn jidħlu l-isport u l-kultura, il-Kunsill alloka €5000 għas-sena 2018, bil-limitu għall-proġetti individwali jiżdied għal €1500. Dawk kollha li japplikaw għal dawn il-fondi se jiġu eżaminati permezz ta’ proċess ta’ intervista sabiex jiġi assigurat li l-proġetti jkunu adegwati.
L-istqarrija tgħid ukoll li żdied fond għall-avvenimenti speċifikament sabiex iservi bħala inċentiv għall-organizzazzjonijiet tal-istudenti biex jospitaw avvenimenti kemm fl-università kif ukoll barra.
Ritratt: DOI – Charles Zammit