Il-kriżi tal-PN se tkun diskussa fl-Eżekuttiv tat-Tlieta

Read in English.

Il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista mistennija li tkun diskussa waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se jitlaqqa’ nhar it-Tlieta. Kollox jindika li t-tmexxija tal-PN se tibqa’ għaddejja bil-ħidma normali tagħha hekk kif sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li l-laqgħa tat-Tlieta kienet ippjanata qabel ma’ d-deputati Nazzjonalisti sfiduċjaw lil Delia f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari.

Fil-laqgħa tat-Tlieta il-PN se jkun qed jaħtar żewġ kummissjonijiet b’waħda tkun għad-dixxiplina u l-oħra biex tissorvelja l-elezzjonijiet interni fil-PN.

Mistoqsi jgħid jekk bħala Kap tal-PN huwiex se jkun qed jitlob għal azzjoni dixxiplinarja kontra d-deputati tal-Partit Nazzjonalista li sfiduċjawh, Adrian Delia wieġeb billi qal li “l-għan primarju u uniku tiegħu huwa s-saħħa tal-partit u aktar u aktar l-abbiltà li jkun Oppożizzjoni robusta biex taċċerta stabbiltà fil-pajjiż”. Ma’ Newsbook.com.mt, Delia qal ukoll li “l-għaqda fil-partit u l-interess tal-pajjiż huma l-uniċi responsabbiltajiet (tiegħu) f’dan il-mument delikat”.

Wara vot ta’ fiduċja li fih Delia kien sfiduċjat minn 19-il deputat tal-PN, huwa stqarr li beħsiebu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni ġaladarba t-tesserati li eleġġewh għadhom iriduh. L-istess stqarr ukoll meta d-deputati li sfiduċjawh marru għand il-President tar-Repubblika biex jinfurmawh b’dan. B’reazzjoni għal din l-aħbar, Delia kien qal li jħossu “mweġġa’ u rrabjat”.

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li fl-aġenda tat-Tlieta, l-Eżekuttiv se jiddiskuti s-sitwazzjoni politika “bħalma jagħmel f’kull laqgħa”. Qal li wara l-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv li fiha ġiet appuntata l-Kummissjoni għall-għażla tal-kandidati, it-Tlieta jmiss li jiġu approvati l-Kummissjoni Elettorali, Data u Records kif ukoll il-Kummissjoni għall-Etika, Dixxiplinarja u Social Media.