“Il-kriżi tal-familja marbuta ma’ kriżi fil-fidi” – Is-Sinodu

Il-kriżi tal-familja hi marbuta mal-kriżi tal-fidi, mhux biss mat-tagħlim tal-Knisja imma alleanza personali ma’ Kristu. Din hi essenzjali biex dak li jkun jaffronta l-problemi fil-ħajja.
Ir-rwol tal-Knisja hu dak ta’ fjakkla li takkumpanja lill-Insara fil-mixja tagħhom. Id-dinja kollha tirrikonoxxi li l-familja ssaħħaħ it-tessut soċjali.
Dawn kollha huma punti li ħarġu mill-laqgħa ta’ dalgħodu tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja u li ġew spjegati f’konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala Stampa tal-Vatikan, indirizzata minn Patri Federico Lombard u minn żewġ Isqfijiet – l-Isqof Victor Fernandez mill-Arġentina u l-Isqof Ignatius Ayau Kaigama min-Niġerja.
Dalgħodu, is-Sinodu tratta diversi aspetti tal-ħajja fil-familja, b’aċċenn partikolari dwar ir-realtajiet fl-Afrika u f’kuntesti Musulmani, hekk kif koppja – mara Nisranija u żewġha Musulman – fetħu d-diskussjoni.
Fis-sessjoni ta’ dalgħodu saru 68 intervent, wara 70 intervent ieħor ilbieraħ.
Ġew trattati diffikultajiet oħra li jfixklu l-ħajja tal-familja, fosthom problemi finanzjarji, il-migrazzjoni, familji li jkollhom jgħixu ‘l bogħod minn xulxin minħabba xogħol jew fatturi oħra, il-midja u dik soċjali li jistgħu jintużaw b’mod distruttiv, u s-solitudni.
L-Isqfijiet irrikonoxxew li żwiġijiet u unjonijiet ċivili huma realtà u għalhekk il-Knisja trid tara x’żerriegħa hemm biex dawk involuti jidħlu fi żwieġ bil-Knisja.
Dwar l-indissolubilità taż-żwieġ, li hi tema rikorrenti, l-Isqfijiet spjegaw li s-Sinodu ma jridx ibiddel id-duttrina tal-Knisja imma jifhem aħjar filwaqt li jasal għal prattiċi eħfef għall-familji. Spjegaw li l-poligamija mhix aċċettata mill-Knisja għax tħalli lil nisa f’limbu dwar id-drittijiet tagħhom.