Il-kriżi politika Maltija mnaqqxa fuq il-Wikipedia

Wikipedia

Il-kriżi politika li Malta bħalissa tinsab fiha issa spiċċat imniżżla fuq il-Wikipedia, enċiklopedija popolari online.

Il-paġna fuq il-Wikipedia bit-titlu ‘2019 Maltese protests’ s’issa telenka dettalji dwar madwar 13-il protesta b’rabta mas-sitwazzjoni politika Maltija.

Ġie mniżżel ukoll li sar theddid fuq il-ħajja ta’ attivista ta’ 16-il sena li tkellmet waqt waħda minn dawn il-protesti. L-istudenta Eve Borg Bonello rċeviet kliem ta’ theddid vjolenti u sesswali. Meta għamlet rapport dwarhom, uffiċjal tal-pulizija qalilha li jekk ma tesprimix l-opinjoni tagħha t-theddid jaf jieqaf. Wara dan, Bonello reġgħet marret l-għassa bl-assistenza ta’ avukat biex tissottometti rapport.

Intant għada se terġa’ tiġi organizzata protesta oħra. Din id-darba l-organizzaturi Occupy Justice, Repubblika, u ManuelDelia.com se jkollhom l-appoġġ tat-Times of Malta, The Malta Independent, Lovin Malta, Malta Today, The Shift, il-Moviment Graffitti, il-KSU, u l-aditus.

Fl-aħħar żviluppi tal-kriżi, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ssejjaħ il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat. Sorsi infurmati kkonfermaw dan ma’ Newsbook.com.mt.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta 15-il lezzjoni li jistgħu joffru “nifs ġdid” lil Malta, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.