‘Il-kriżi politika Maltija hi agħar mill-COVID’ – MEA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal min iħaddem (MEA) qalet li Malta se taffaċċja kollas politiku u istitutzzjonali jekk iż-żewġ partiti l-kbar mhux se jorganizzaw lilhom infushom.

Fi stqarrija l-MEA qalet li min-naħa tiegħu l-Partit Laburista, li bħalissa jinsab fil-Gvern, jinsab mifni f’ammont sostanzjali ta’ skandli u li riżultat ta’ dan ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta ħadet daqqa ta’ ħarta kbira u hi ta’ theddida għall-eknomija Maltija. L-MEA kompliet tgħid li min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista, li jinsab fl-Oppożizzjoni, huwa taħwida diżorganizzata u qed ifalli miżerjament biex jiproġetta lilu nnifsu bħala partit alternattiv biex jiggverna, kif inhu mistenni minn partit fl-Oppożizzjoni.

L-Assjoċjazzjoni qalet ukoll li l-pubbliku ġenerali jħossu tradut mill-klassi politika ta’ bħalissa u qed jitlef il-fiduċja fi-tmexxija tal-pajjiż u fl-istituzzjonijiet, fosthom il-Qrati tal-Ġustizzja u tal-Pulizija. Sostniet li din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli u żżid iċ-ċans li l-istituzzjonijiet jikkrollaw.  Fl-istqarrija tagħha, l-MEA żiedet tgħid li f’każ li jiġri dan, Malta se tmur minn taħt u jkun hemm periklu kbir li dak kollu li n-nies u l-pajjiż ħadem għalih mill-Indipendenza sal-lum, jintilef kollu.

L-MEA temmet tgħid li, kuntrarju għall-COVID-19, din il-kriżi ġibniha b’idejna u li għaliha m’hawnx vaċċin għall-kura u l-unika mod kif insalvaw minnha hu billi nifhmhu l-gravità tas-sitwazzjoni, inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna u naħdmu flimkien biex nimxu l’quddiem.