Il-kriżi fl-Eġittu: Mistennija iktar protesti wara t-talb tal-Ġimgħa

Fil-kapitali Eġizzjana, l-Kajr, illum mistennija jsiru iktar protesti minn dawk li jappoġġjaw l-ex-President Mohammed Morsi.

Jumejn ilu, 638 ruħ inqatlu meta l-awtoritajiet daħlu f’kampijiet tad-dimostranti tal-Fratellanza Musulmana.

Dawk li jappoġġjaw lil Morsi mistennija jiltaqgħu fil-pjazza ċentrali ta’ Ramses wara li jitilqu mill-moskeji meta jtemmu t-talb tal-Ġimgħa.

Bħalissa l-pajjiż jinsab fi stat ta’ emerġenza u hemm sigurta’ stretta. Il-pulizija jistgħu ukoll jisparaw fuq in-nies biex jiddefendu ruħhom.

It-tmexxija temporanja tal-Eġittu qalet li l-pajjiż għandu quddiemu attakki terroristiċi.

Il-komunità Kopta fl-Eġittu kienet fil-mira tal-Iżlamisti li jakkużaw lill-Knisja li tat l-appoġġ lill-armata biex Morsi tneħħa mit-tmexxija. Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, 25 knisja, djar u ħwienet tal-Kopti u l-Kristjani spiċċaw attakkati.