“Il-kriżi ekonomika għandha dimensjoni etika”

“Id-diffikultajiet u l-kriżijiet kurrenti fis-sistema ekonomika globali għandhom dimensjoni etika li ma tistax tkun miċħuda”. Dan sostnieh il-Papa Franġisku f’messaġġ li bagħat għal konferenza organizzata mill-Fondazzjoni Pontifiċja Centesimus Annus.
Dawn il-kriżijiet huma marbuta ma’ mentalità egoistika u ta’ esklużjoni li effettivament ħolqot il-“kultura ta’ ħela” li ma tagħrafx id-dinjità umana ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. “Dan narawh fl-indifferenza globali li dejjem qed tikber, quddiem l-isfidi morali li jikkonfrontaw ħajjitna. B’mod speċjali dan jidher fil-ħafna ostakli għall-iżvilupp integrali uman ta’ ħafna minn ħutna,  mhux biss f’pajjiżi foqra imma wkoll fid-dinja żviluppata. Hemm ukoll l-problemi etiċi urġenti marbuta mal-emigrazzjoni globali”, qal il-Papa.
Fil-messaġġ tiegħu l-Papa uża analoġija tal-kunflitt falz bejn il-fidi u x-xjenza u nnota li hu żbaljat min jaħseb jew jgħid li ekonomiji ta’ suċċess u l-moralità huma f’kunflitt ma’ xulxin.
Il-Konferenza kienet qed tiddiskuti “Politika Ġdida u Sitili ta’ Ħajja fl-Era Diġitali”.
 “Spiss, tkun żviluppata dikotomija falza u traġika bejn it-tagħlim etiku tat-tradizzjonijiet reliġjużi u t-tħassib prattiku tal-komunità tan-negozju. Imma fil-fatt hemm cirkolazzjoni naturali bejn il-profitti u r-responsabbiltà soċjali”, spjega l-Papa.
Il-Fondazzjoni Centesimus Annos għandha sehem importanti li titfa’ d-dawl tal-Evanġelju fuq dawn il-problemi umanitarji u tgħin lill-Knisja taqdi dan l-aspett importanti tal-missjoni tagħha billi tkompli titkellem  mal-mexxejja tan-negozju u tal-finanzi u ma’ uffiċjali tal-unjins u oħrajn fis-settur pubbliku biex tassigura li d-dimensjoni soċjali ta’ kull attività ekonomika tkun salvagwardata u tinġieb ‘il quddiem.
“Illum il-familja hi mhedda min-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u l-impatt tar-rivoluzzjoni diġitali. Dan hu qasam fejn is-solidarjetà tal-Knisja hi meħtieġa. Il-kontribut tagħkom jista’ jkun espressjoni tat-tħassib tal-Knisja għall-futur taż-żgħażagħ u l-familji”, qal il-Papa Franġisku.