“Il-kritika inġusta ripetuta mill-midja jgawdi minnha l-kriminal”

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal li li dik li sejħilha “kritika inġusta minn ċertu setturi tal-midja” lejn il-Korp tal-Pulizija, u li tibqa’ tiġi rripetuta, taġevola biss lill-kriminal.
Ma’ dan żied jgħid li hija ħasra li mbagħad atti erojċi jew sbieħ minn uffiċjai tal-Korp jintnesew malajr jew jintqalu darba biss.
Faħħar ix-xogħol kontinwu tal-Pulizija u kkundanna lil min ma jagħmilx xogħlu, ma jaġixxix u bl-aġir tiegħu waqt jew barra l-ħin tax-xogħol jitfa’ dell ikrah fuq sħabu.
Semma wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jintlaħaq qbil dwar ftehim kollettiv tal-Korp tal-Pulizija.
Qal li se jippreżenta emendi biex jinbidlu l-pieni għal dawk li jwettqu vjolenza fuq il-pulizija, filwaqt li awgura lill-uffiċjali għall-ħidma li se jkunu qed iwettqu waqt it-terminu tal-Valletta 2018.
Il-Ministru kien qed jitkellem waqt ċerimonja aktar kmieni llum, li fiha għadd ta’ membri tal-Korp ingħataw rikonoxximent uffiċjali għas-servizz eċċellenti tagħhom.
Wieħed minnhom kien il- Kuntistabbli Saviour Chircop, li ngħata l-premju Pulizija tas-Sena 2017 talli fl-2016 kien irriskja ħajtu meta ma kienx xogħol meta waqqaf u ħa sikkina minn idejn persuna li kienet qed thedded persuna oħra fit-triq.
Fost l-oħrajn distrett numru 6 ngħata l-premju tax-Shield tas-Sena, minħabba li rnexxielu jnaqqas ir-rata ta’ kriminalità fl-2017 b’marġini sostanzjali minn dik irreġistrata s-sena ta’ qabel.
F’din iċ-ċerimonja, 73 eksmembru tal-Korp ingħataw ċertifikat u tifkira wara li rtiraw mis-servizz is-sena li għaddiet u servew fil-Korp għal 25 sena jew iktar.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, li rrimarka li l-2017 kienet sena partikolari għall-Korp tal-Pulizija li ħadem biex jiżgura s-sigurtà waqt li Malta kellha t-terminu tal-Presidenza u waqt l-Elezzjoni Ġenerali.
Semma anki ċ-ċrieki ta’ kriminalità li qal li l-Korp kisser, u l-akbar qabda rekord ta’ droga.
Ritratt: DOI – Jason Borg