​Il-Kristjani Eġizzjani mhedda biex jitilqu jew jinqatlu

Grupp affiljat mal-Istat Iżlamiku ħareġ filmat li fih sejjaħ biex jinqatlu l-Kristjani Eġizzjani.
Mijiet ta’ Kristjani fl-Eġittu ħarbu minn Sinai wara għadd ta’ attakki minn militanti tal-Istat Iżlamiku.
Seba’ Kristjani inqatlu fil-kapitali tal-provinċja Arish f’inqas minn xahar.
Il-grupp affiljat mal-Istat Iżlamiku ħa r-responsabbiltà tal-qtil, ħames persuni inqatlu b’tiri, persuna ingħatat in-nar u oħra inqatetilha rasha.
Filmat li ħareġ il-grupp, jgħid l-Kristjani huma l-“mira favorita” tagħhom u wiegħdu li se jsaħħu l-kampanja kontrihom.
Il-filmat ta’ 20 minuta juri t-terrorist li sploda lilu nnifsu fi knisja ppakjata fil-11 ta’ Diċembru, fejn qatel 29 persuna.
Mijiet ta’ familji u studenti ħarbu lejn Ismailia, fit-tramuntana ta’ Sinai matul il-ħmistax li għaddew.
Attivisti għad-drittijiet umani qalu li l-Gvern Eġiżżjan qabel li jagħti kenn lil dawn il-persuni f’bini tal-gvern, wara li saret pressjoni fuq il-midja soċjali.