Il-Kristjaneżmu fl-Iraq jista’ jisparixxi

Jekk ma jkunx hemm aktar familji li jingħataw l-għajnuna biex jirritornaw jgħixu fil-villaġġi tal-Pjanura ta’ Nineveh, il-Kristjaneżmu fl-Iraq jista’ jirriduċi ruħu f’xi ħaġa ta’ tifkira u jisparixxi.
Dan qalu Fr. Salar Kajo tal-Kumitat tal-Knejjes għar-Rikostruzzjoni ta’ Nineveh li qed jaħdem biex jinbnew mill-ġdid disa’ bliet u rħula nsara li sostna li jekk ma jsirx sforz akbar biex ikunu megħjuna l-insara li kellhom jaħarbu minn djarhom biex jirritornaw lura – u malajr kemm jista’ jkun – dawn se jispiċċaw jitilqu għal kollox mill-Iraq.
Skont l-imsemmi Kumitat, matul l-aħħar sena kien  hemm 37,031 persuna li rritornaw lejn djarhom imma hemm madwar 120,000 nisrani ieħor li għadhom mifruxa mit-tramunatana tal-pajjiż fejn kellhom jaħarbu fis-sajf tal-2014 minħabba t-theddida tal-ISIS.
Fr Kajo qal li jekk ma nibnux dawn il-villaġġi issa, dawn il-familji jitilqu mill-pajjiż u l-Kristjaneżmu jisparixxi mill-Iraq. Skont l-Arċisqof Bashar Warda, diġa’ kien hemm 6,000 familja li emigraw mill-Iraq f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Fr Kajo filwaqt li saħaq dwar l-urġenza li kulħadd jirritorna lejn il-bliet u l-irħula tiegħu wara tliet snin jgħixu bħala refuġjati f’partijiet oħra tal-pajjiż, faħħar lil dawk l-organizazzjonijiet insara li qed jgħinu u jappoġġjaw lil dawn in-nies fl-assenza ta’ għajuna mill-komunita’ internazzjonali.
Fl-2017 l-għaqda kattolika “Aid to Church in Need” tat aktar minn €10 miljun għal proġetti fl-Iraq li €2 miljuni minnhom marru għal bini ta’ djar u knejjes. S’issa l-Gvern Ungeriż biss bagħat xi għajnuna, mill-bqija kollox għamlet il-Knisja Kattolika. B’dawn il-flus s’issa kienu rinnovati madwar 20% tad-djar li tkissru mill-ISIS.
Barra mir-rikostruzzjoni tal-villaġġi hemm bżonn ukoll li jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, qabel il-ħajja tkun tista’ tirritorna għan-normal. L-isfida għal dawk li jirritornaw hi fejn se jsibu xogħol.