“Il-kriminalità f’Malta qed tonqos” – Ministru Farrugia

DOI - Kevin Abela

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li r-rata tal-kriminalità f’Malta qed tonqos minkejja li qed tiżdied il-popolazzjoni. Huwa qal dan waqt ċerimonja ta’ preżentazzjoni ta’ medalji lil 107 uffiċjal u eks-uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija għal servizz twil u effiċjenti fi ħdan il-Korp.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li l-kriminalità naqset minkejja ż-żieda fit-turiżmu. Kompla jgħid li dan huwa l-fattur li għandu jkejjel is-suċċessi tal-Korp, u mhux l-għadd ta’ pulizija li jkun hemm fl-għases.

Dwar il-ftehim kollettiv tal-pulizija, il-Ministru Farrugia qal li dan se jiġi konkluż dalwaqt u se jkun qed jagħti rikonoxximent lill-uffiċjali filwaqt li jħajjar aktar persuni jidħlu fil-korp.

Huwa irrefera għall-pjan biex fiż-żmien li ġej jinbidlu l-uniformijiet tal-Pulizija, waqt li aċċenna għall-proġett pilota tal-body cameras fuq il-pulizija li tnieda dan l-aħħar.

Tkellem ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li qal li se jibqa’ jaħdem sakemm għandu l-fiduċja tal-amministrazzjoni tal-pajjiż u sakemm tippermettilu saħħtu.

B’kollox ingħataw 62 medalja lill-uffiċjali tal-Pulizija bi 18-il sena servizz twil u effiċjenti b’karattru u kondotta impekkabbli, filwaqt li 45 medalja ingħataw lil dawk li taw 25 sena jew 30 sena servizz.