Il-kremazzjoni issa legali f’Malta wara vot fil-Parlament

Dalgħodu l-Parlament għamel l-aħħar pass tiegħu sabiex tittieħed id-deċiżjoni li l-kremazzjoni ssir legali f’Malta. Dan hekk kif dalgħodu l-Parlament ta l-approvazzjoni finali għall-leġiżlazzjoni.

Fi stqarrija, id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar spjegat li ressqet l-ewwel abbozz ta’ liġi tagħha f’April li għadda, bil-għan li għall-ewwel darba fil-pajjiż il-proċess ta’ kremazzjoni jsir legalizzat u regolat permezz ta’ liġi li tirrispetta l-għażla persunali tal-bniedem. Sostniet li Malta għandha soċjetà miftuħa li tħalli lil kull persuna tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha dwar ħajjitha. Sostniet li l-istess għandu jkun wara mewtha.

Cutajar insistiet li d-dritt li wieħed jagħżel xi jsir minn ġismu wara mewtu kien il-pass naturali għall-pajjiż li għażel li jkun liberali u progressiv.  Qalet li r-regolazzjoni tal-proċess tal-kremazzjoni għandu jassigura wkoll l-ogħla standards marbuta ma’ dan il-proċess sabiex il-krematorji jkollhom impatt minimu fuq l-ambjent.

Hi kompliet tgħid li l-kremazzjoni hi soluzzjoni effiċjenti għal pajjiżi żgħar li jbatu biex isibu spazju għal oqbra ġodda.

Aqra: It-tifrix tal-irmied wara kremazzjoni jsir biss fil-baħar – Cutajar