Il-KPMG tenfasizza li dejjem imxiet skont l-etika mal-Bank Pilatus

Il-KPMG enfasizzat li niesha dejjem aġixxew b’mod etiku u professjonali f’kull negozjati li l-kumpanija tal-awditjar kellha mal-Bank Pilatus meta dan kien fil-proċess biex jingħata l-liċenzja biex jopera f’Malta.
Il-kumpanija aġixxiet bħala konsulent lill-Bank Pilatus biex dan ħa l-liċenzja, u fl-istqarrija qasira żżid li dejjem żammet ma’ standards professjonali li japplikaw lil kull klijent li kellha.
Temmet tgħid li minħabba ċerti liġijiet ma tistax tikkumenta aktar dwar il-każ.
Il-kumpanija tal-awditjar f’Diċembru li għadda kellha tiwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ xi Ewroparlamentari, li staqsewha jekk l-oriġini Iranjani taċ-Ċermen u l-użu li għamel ta’ passaport minn St Kitts & Nevis, gżira fil-Karibew, kinux ostaklu għall-proċes tal-liċenzjar.
Dakinhar il-KPMG kienu wieġbu li ma jistgħux iwieġbu minħabba raġuni ta’ kunfidenzjalità.
Ali Sadr Hasheminejad, iċ-Ċermen Iranjan tal-Bank Pilatus, ix-xahar li għadda ġie arrestat fl-Istati Uniti b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.
Il-prosekuturi qed jgħidu li Hasheminejad ħassel pjan biex bejn l-2006 u l-2014 jgħaddi b’aktar minn $115 miljun ġejjin minn proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Venezwela għal għand kumpaniji Iranjani b’banek minn pajjiżi tal-Punent.
Dalgħodu s-sit Financial Times irrapporta li barra ċ-Ċermen, anki l-Kap mhux Eżekuttiv tal-bank, Mustafa Cetinel, qed jiġi investigat, għalkemm m’hemmx akkużi kontrih.