Filmati: Il-Ministru għall-Ambjent kontra l-iżvilupp f’Pembroke

 
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ngħaqqad ma’ għadd ta’ nies għall-protesta f’Pembroke kontra l-proġett ta’ bini ta’ skola ġdida fuq art verġni u saħaq li huwa kontra l-iżvilupp propost.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Herrera qal li attenda biex juri li huwa qed jagħti l-appoġġ tiegħu lir-residenti.
Min-naħa tagħha l-Alternattiva Demokratika tefgħet ir-responsabbiltà fuq il-Gvern. Fid-diskros tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-AD, Ralph Cassar qal li l-art hija proprjetà tal-Gvern u għalhekk hu jrid jiddeċiedi l-futur tagħha. Saħaq li jekk il-Gvern ma jridx li l-art tiġi żviluppata għandu jiddikjara li ma jridx li l-art tinbena u ma jgħaddix l-art għall-iżvilupp.
Huwa tkellem dwar il-bini b’mod ġenerali u tenna li fil-ferneżija ta' bini li għaddejja mhux qed tingħata l-importanza lill-impatti kumulattivi ta' ħafna żviluppi individwli. Saħaq li minflok il-pajjiż iħajjar u jindokra spazji miftuħa qed iħajjar aktar traffiku, aktar tniġġis u aktar bini.
Għal din il-protesta nġabru għadd ta’ nies li b’diversi kartelluni wasslu l-messaġġ tagħhom li mhux se jħallu li l-art tinqered biex tinbena skola. Preżenti wkoll kien hemm il-Moviment Graffitti.
Id-Direttriċi tal-Iskola Chiswick kienet argumentat li minkejja l-protesti li qed isiru, l-iskola l-ġdida proposta f’Pembroke, għandha tinbena, għax se tkun l-ewwel waħda fl-Ewropa tat-tip tagħha. 
Wara li ħafna minnhom irrikorrew għal fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.
Il-poeta Adrian Grima kien kiteb poeżija biex juri d-diżapprovazzjoni tiegħu kontra dan il-proġett.  
Fil-poeżija tiegħu bl-isem 
M’aħniex se nbaxxu rasna, kiteb dwar kif in-nies suppost għandhom ibaxxu rashom u jibqgħu siekta waqt li jintefgħu f’ġenb biex jiġru fosthom il-gafef.

Ritratti: Leon Xuereb