Il-kotba ma kinux għar-rimi; jiswew €20-il wieħed – il-Provinċjal f’Ta’ Ġieżu

Ryszard Magiera

Il-Provinċjal tal-Franġiskani Minuri qal li l-kotba li dehru mitfugħin f’kaxxa ta’ trakk ma kinux għar-rimi. Insista wkoll li ma kellhomx valur storiku u li jiswew madwar €20-il wieħed.

Il-Provinċjal tal-Ordni Franġiskana Rev. Prov. Richard Stanley Grech qal lil Newsbook.com.mt li l-kotba li dehru f’ritratt mikxufin f’kaxxa ta’ trakk ma kinux għar-rimi. Rev. Prov. Grech qal li l-kotba kienu se jiġu trasportati biex jinżammu b’mod temporanju f’garaxx tal-ordni f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Dan l-aħħar kien qed isir xogħol ta’ tiswija fil-bibliotheca l-qadima tal-provinċja fil-Belt Valletta. Il-patri li jieħu ħsiebha bħalissa jinsab imsiefer u Newsbook.com.mt ma rnexxilux jagħmel kuntatt telefoniku miegħu.

Rev. Prov. Grech qal li l-ftehim mal-ħaddiema kien li l-kotba jiġu trasportati fi xkejjer, però għal xi raġuni dan ma sarx. Qal ukoll li jinsab infurmat li r-ritratti li dehru tat-trakk ittieħdu wara li xi ħadd kixef il-kaxxa tat-trakk li kienet mgħottija.

Rev. Prov. Grech qal li ħa parir mingħand “esperti lokali” dwar il-valur tal-kotba. Rev. Prov. Grech ma riedx jagħti l-isem ta’ dawn l-esperti għax qal li riedu jibqgħu anonimi.

Skont dawn l-esperti anonimi, il-kotba li kienu fit-trakk m’għandhomx valur storiku u li huma kotba komuni ħafna. Il-provinjal qal li skont il-parir li rċieva, il-kotba jiswew madwar €20-il wieħed u li kull ktieb ikollu bżonn nefqa ta’ €100 biex jiġi restawrat.

Il-provinċjal qal li jinsab f’kuntatt ma’ Heritage Malta u l-Arkivji Nazzjonali dwar il-każ.

Kelliem għall-Arċidjoċesi ta’ Malta qal lil Newsbook.com.mt li l-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ filgħaxija stess ħa l-inizjattiva li jkellem lill-Provinċjal tal-Franġiskani biex il-kotba jiġu salvati. L-Arċisqof tkellem ukoll mal-Ministru Owen Bonnici li offra l-għajnuna meħtieġa.

L-Arċisqof jintervjeni biex jiġu salvati kotba

Il-kelliem spjega li l-kotba mhumiex tal-Arċidjoċesi ta’ Malta iżda tal-provincja tal-Franġiskani Minuri.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Filosofija tal-Università ta’ Malta Dr Jean-Paul De Lucca qal lil Newsbook.com.mt li din mhix kwistjoni ta’ flus u li l-valur tal-kotba jista’ jogħla abbażi tan-noti li jkunu inkitbu fihom fil-passat.

Fuq Facebook, De Lucca talab biex issir investigazzjoni b’rabta mal-każ li ddeskrivieh bħala “massakru”. Mistoqsi dwar dan, il-Provinċjal qal li ma jaqbilx li għandha ssir investigazzjoni.

Ma’ Newsbook.com.mt u anke fuq Facebook, De Lucca qal li kien hemm ukoll xi kotba żgħar u fuljetti mal-art. Qal ukoll li aktar kotba kellhom jitneħħew mill-Belt u li issa jispera li dan mhux se jsir.

Fuq Facebook Malta Libraries li hi l-entità responsabbli għal-Librerija Nazzjonali ta’ Malta qalet li “tqis l-aħbar dwar dak li seħħ lill-Bibljoteka Santa Maria di Gesù bħala każ serjissimu.”

L-etitá laqgħet b’mod pożittiv l-azzjoni tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, tal-Arċisqof Charles Scicluna, u ta’ Heritage Malta.

Qalet li qed tinvestiga u tikkollabora ma’ entitajiet oħra biex tassigura li l-kotba u l-materjal “jgħaddu mill-aħjar irkupru u jsibu l-aktar dar xierqa għalihom.”

It-tmexxija ta’ Malta Libraries tinforma u tassigura lill-pubbliku li tqis l-aħbar dwar dak li seħħ lill-Bibljoteka…

Posted by Malta Libraries on Wednesday, September 4, 2019