“Il-korruzzjoni trid taffrontaha, mhux taħbiha”

L-eks-Ombudsman Joseph Said Pullicino qal li l-korruzzjoni trid taffrontaha u mhux taħbiha.
Fil-programm Newsbook fuq RTK, l-eks-Ombudsman qal li s-suġġett tal-korruzzjoni irid jiġi affrontat u miġġieled.
Semma’ l-eżempju ta’ meta l-Maltin jippretendu li jinqdew qabel ħaddieħor u permezz tal-kuntatti li jkollhom jippruvaw jaqbżu lill-ħaddieħor. Tenna li dan huwa eżempju wieħed ta’ korruzzjoni għax il-korruzzjoni teżisti f’diversi forom.
Qal li “l-Maltin jirraġunaw li jekk tolqot lili u ninqeda ma tibqax korruzzjoni.” Kompla jgħid li “llum kulħadd għandu kredu għalih u qed nippruvaw noħolqu regoli ġodda” biex naħbu l-għemil tagħna.
Għalhekk, reġa saħaq li huwa ħażin li nkomplu naħbu l-korruzzjoni.
Mistoqsi dwar il-ħidma tiegħu fiż-żmien bħala Ombudsman, Said Pullicino spjega li b’differenza minn Imħallef, l-Ombudsman xogħolu hu li jirrakkomanda u mhux jiddeċiedi.
Din l-esperjenza tagħtu ħafna sodisfazzjon għall-fatt li hu jaħseb li 85% tal-każijiet li ħadem fuqhom bħala Ombudsman ġew aċċettati u ttieħdet deċiżjoni skont ir-rakkomandazzjoni tiegħu.
“Fil-ħajja kulħadd jiżbalja imma l-ħaġa ħażina tkun li takkuża lil xi ħadd ta’ awtorità li ħa deċiżjoni ħażina”, sostna Said Pullicino.
Qal li L-uffiċċju tal-Ombudsman ġie stabbilit permezz ta’ White Paper fl-1995 u spjega li matul is-snin, l-uffiċċju żviluppa u kiber permezz tal-ħidma ta’ nies kompetenti li qed jaħdmu f’diversi oqsma u investigazzjonijiet differenti.