Il-korruzzjoni toqtol aktar mill-gwerra – iben Daphne

Read in English.

Matthew Caruana Galizia sostna li meta wieħed jirrapporta dwar il-korruzzjoni f’pajjiż “assoċjat mal-mafja” jista’ jkun qed jirriskja ħajtu aktar minn persuna li tkun qed tirrapporta dwar gwerra f’pajjiżha.

Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kien qed jiġi intervistat f’Madrid fejn kien qed jissapportja l-preżentazzjoni tar-rapport annwali ta’ Reporters Without Borders dwar l-aggressjonijiet li jsofru l-ġurnalisti. Ir-rapport għal din is-sena żvela li għall-ewwel darba kien hemm iktar assassinji ta’ ġurnalist f’pajjiżi fejn suppost hemm il-paċi milli f’żoni ta’ kunflitt. Dan jammonta għal 59% mid-49 ġurnalist maqtul fl-2019.

Caruana Galizia spjega li f’Malta kien iktar perikoluż li tinvestiga l-korruzzjoni milli tirraporta kunflitti bħal dawk ta’ gwerra. Spjega li ġurnalisti li jirrappurtaw dwar il-korruzzjoni, bħal ommu, ikunu qed jagħmlu x-xogħol li l-awtoritajiet ma jagħmlux. Qal li ommu kienet tħossha waħedha ħafna u b’hekk jidħol il-periklu. Sostna li ommu kienet verament qed tiġġieled kontra l-korruzzjoni waħedha. Qal li hi ma kelliex is-sapport la tal-Istat, la tal-Gvern u lanqas tal-Oppożizzjoni.

Daphne Caruana Galizia inqatlet fl-età ta’ 53 sena nhar is-16 ta’ Ottubru tal-2017. Hi nqatlet permezz ta’ karozza bomba ftit passi ‘l bogħod mid-dar tagħha. Matthew sostna li wara l-assassinju, hu u ħutu telqu minn Malta. Hu qal li madwar sena ilu ddeċieda li jirritorna Malta fejn qed ikompli l-ħidma tiegħu sabiex issir ġustizzja ma’ ommu.

Fl-aħħar ġimgħat, l-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista waslu fi stadju avvanzat u kixfu kriżi f’Malta li wasslet sabiex il-Prim Ministru Joseph Muscat iħabbar ir-reżenja tiegħu f’Jannar li ġej. Dan hekk kif numru ta’ persuni fil-kabinett u ċ-Chief of Staff tiegħu bdew jiġu investigati b’rabta mal-korruzzjoni.

Iben Daphne sosna li r-riżenja ta’ Muscat mhix biżżejjed, minkejja li ammetta li hija pass ‘il quddiem. Qal iżda li r-riżenja għandha tkun waħda immedjata hekk kif kull jum li fih jibqa’ fil-poter, huwa jum ieħor maħtuf milli ssir ġustizzja. Hu jemmen li hemm bżonn tibdil radikali sabiex issir ġustizzja, u dan it-tibdil irid isir b’mod partkolari fil-ġudikatura. “Hemm bżonn li f’Malta l-korruzzjoni tibda tidher bħala kriminalità u dawk li jinqabdu jwettquha, kemm jekk fil-Gvern jew fin-negozju jħallsu għal għemilhom,” kompla jgħid.

“Meta ommi ppublikat ir-rapporti dwar il-korruzzjoni, ma ġara xejn, il-prosekuturi ma għamlu xejn, il-pulizija lanqas, u dan l-aġir ħalliha tħossha waħedha u poġġiha f’periklu akbar,” qal Caruana Galizia. Sostna li dan ħalla lok sabiex il-persuni li hi kienet qed tinvestiga jaħsbu li mbilli joqtluha kienu se jsolvu l-problemi kollha tagħhom.

Hu rrimarka li Muscat inniffsu ffaċilità l-qtil ta’ ommu billi għamel il-bsaten fir-roti għall-investigazzjonijiet li kellhom isiru fil-każijiet li kixfet hi. Qal illi kieku Muscat għamel xi ħaġa sabiex iħalli dawn l-investigazzjonijiet jipproċedu u jitressqu l-Qorti, forsi ommu kienet tkun għadha ħajja llum.

Hu u jitkellem dwar l-elezzjoni pendenti għall-Mexxej ġdid tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru tal-pajjiż, Caruana Galizia sostna li Malta huwa pajjiż tal-mafja u biex tinbidel il-kultura u s-sistemi li jiffaċilitaw il-kriminalità organizzata hemm bżonn li jinbidlu ħafna affarijiet. Irrimarka li jemmen li l-persuni li se jieħdu t-tmexxija f’idejhom ma jidhirx li huma lesti li jagħmlu din it-tip ta’ bidla radikali.

Hu u jitkellem dwar l-Oppożizzjoni, Caruana Galizia sostna li l-Oppożizzjoni f’Malta hija kważi ineżistenti u ddeskriviha bħala ħaġa mejta. Sostna li l-Oppożizzjoni għandha fi ħdanha kważi l-istess problemi tal-partit fil-Gvern, bil-mexxej tagħha wkoll b’relazzjonijiet ma’ kriminalità organizzata.