Il-korruzzjoni: Taxxa għall-fqir – PN; Delia jippremja lil dawk b’akkużi serji – PL

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-korruzzjoni hija taxxa fuq il-fqir filwaqt li l-Partit Laburista akkuża lill-Kap tal-PN Adrian Delia talli qed jippremja nies b’akkużi serji kontrihom. Dawn kienu r-reazzjonijiet tal-partiti politiċi ewlenin b’referenza għall-uffiċjal pubbliku li qed jiġi akkużat b’tixħim
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li l-aġir korrott tal-persuna ta’ fiduċja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tas-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes jifqa’ l-bużżieqa li dan huwa Gvern ta’ kuxjenza soċjali. Qal li din il-persuna ppruvat tisfrutta s-sitwazzjoni ta’ familji foqra, sitwazzjoni li fil-fehma tiegħu ħoloq il-Gvern Laburista stess. Bartolo qal li “l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qed jibqa’ għal kollox sieket filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qed jiċħad ir-responsabbiltà politika dwar dan il-każ.”
F’reazzjoni, il-PL qal li wara li Bartolo tkellem fuq it-televiżjoni u rrikonoxxa x-xogħol li qed isir mill-Gvern Laburista fis-settur tal-akkomodazzjoni, issa ħareġ stqarrija biex jattakka lill-istess persuni li ħadu l-passi meħtieġa quddiem allegazzjoni ta’ korruzzjoni. Il-PL akkuża lil Adrian Delia talli allegatament jippremja lil min ikollu akkużi serji fil-konfront tiegħu u jitfgħu jitkellem dwar is-suġġett inkwistjoni.