Il-korruzzjoni hi l-vera theddida għall-paċi u s-sigurtà – il-Vatikan

REUTERS/Ahmed Jadallah/File Photo

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienet it-tema ewlenija ta’ l-intervent tal-Vatikan waqt il-laqgħa finali tat-28 edizzjoni tal-Forum Ekonomiku u Ambjentali ta’ l-OSCE fi Praga ġewwa r-Repubblika Ċeka bejn l-10 u l-11 ta’ Settembru.

Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof Charles Balvo, in-Nunzju Apostoliku għar-Repubblika Ċeka u Kap tad-Delegazzjoni tal-Vatikan saħaq li “l-korruzzjoni hija l-vera theddida għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun OSCE.”

L-Arċisqof żied jgħid li “m’hemm l-ebda raġuni għalxiex wieħed jiddubita li l-fondi kbar li qed jinħarġu sabiex jgħinu lil min qed ibati minħabba l-pandemija Covid-19 diġa qed jiġbdu attività kriminali u dan b’riskju li dawk fil-bżonn, kapaċi jispiċċaw mingħajr l-għajnuna finanzjarja meħtieġa.”

L-Arċisqof qal li huwa importanti li nirrikonoxxu l-fatt li “l-korruzzjoni teżisti, anki jekk fuq livelli differenti, f’kull pajjiż membru ta’ OSCE” u żied jgħid li “hemm bżonn li biex niġġildu l-korruzzjoni, l-ewwel nett irridu nirrikonoxxu li l-korruzzjoni teżisti.”

Filwaqt li l-pandemija hija “eżami kbir” għall-komunità internazzjonali, l-Arċisqof Balvo qal ukoll li din tipprovdi opportunità reali “sabiex insibu soluzzjonijiet ġodda u innovatttivi li ma jkunux diviżivi, politiċiżżati jew parzjali, iżda li verament ifittxu l-ġid komuni u l-iżvilupp integrali uman ta’ kulħadd.”

Fid-dawl ta’ dan, l-Arċisqof semma kif nhar l-1 ta’ Ġunju 2020, il-Papa Franġisku ippubblika proċeduri ġodda u kontrolli ġuridikali għal “trasparenza, kontroll u kompetizzjoni ġusta fil-proċeduri ta’ kif l-Istat tal-Vatikan jagħti kuntratti pubbliċi”.

Il-proċeduri huma maħsuba sabiex “inaqqsu l-periklu ta’ korruzzjoni fost dawk imsejjħa sabiex imexxu u jiggvernaw l-istituzzjonijiet ġewwa l-Istat tal-Vatikan.”

Id-deċiżjoni tal-Papa li jniedi dawn il-kontrolli ġodda, qal l-Arċisqof Balvo, “tressaqna aktar qrib ta’ din il-pjaga tal-korruzzjoni fejn meta uffiċjali ċivili jisirqu jew iwettqu misapproprjazzjoni ta’ fondi, dan jeffettwa lill-komunità kollha li huma msejjħa biex iservu.”

In-Nunzju Apostoliku saħaq li jekk il-governanza pubblika u korporattiva ma jkunux “trasparenti jew kontabbli, qatt m’hu se jkun hemm progress ekonomiku b’saħħtu.”

L-Arċisqof temm jgħid li hemm bżonn kultura, edukazzjoni, taħriġ, azzjoni istituzzjonali u sehem miċ-ċittadini sabiex il-korruzzjoni tkun miġġielda kif suppost, filwaqt li saħaq li “il-liġijiet huma neċessarji iżda mhumiex biżżejjed.”

“Irridu nġibu ruħna b’kuraġġ sabiex nipprovokaw il-kuxjenzi sabiex in-nies tifhem li il-periklu tal-korruzzjoni mhuwiex biss perċezzjoni iżda theddida vera. Hemm biss nistgħu niġġieldu l-korruzzjoni.”