Il-korruzzjoni hi kankru – isqof fl-Uganda

Il-politiċi fl-Uganda m’għandhomx iħallu l-korruzzjoni ittellef dak li rnexxielhom jiksbu meta reġġgħu lura l-ordni fil-pajjiż. L-istudenti huma żbaljati jekk jaħsbu li l-vjolenza u l-istrajks se jsolvu l-problemi tal-pajjiż.
Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Isqof Paul Ssemogerere li żied jgħid li “l-korruzzjoni issa saret kankru f’pajjiżna”. 
Hu kien qed jieħu sehem f’ċerimonja fil-Kappella ta’ San Pawl tal-komunità Kattolika tal-Università ta’ Ndejje.
L-Isqof, li ddeskriva l-livell ta’ koruzzjoni f’ħafna mid-dipartimenti tal-Gvern u anke fis-settur privat bħala “kankru”, appella lill-President Museveni biex japplika l-esperjenza li kiseb fil-kamp tal-battalja, biex jeqred dan il-kankru.
“Il-mexxejja tagħna ġġieldu battalji kbar imma l-battalja kontra l-korruzzjoni hi l-akbar sfida”, qal l-Isqof.
“Meta ssir taf li anke l-Qrati fejn suppost issir il-ġustizzja, kultant qed ikunu kompromessi bil-korruzzjoni s-soluzzjoni ma tiddependix minn persuna waħda imma miċ-ċittadini kollha.”
L-Isqof  appella wkoll lill-istudenti, bħala l-mexxejja futuri tal-pajjiż, biex jagħżlu triq aktar responsabbli.
“Il-ġenituri tagħkom għandhom tamiet kbar għalikom bħala mexxejja futuri ta’ pajjiżna imma huma ddiżappuntati bl-imġiba tagħkom. Għandkom diversi modi kif issolvu l-inġustizzji li tħossu li qed isiru magħkom, bla ma tirrikorru għall-vjolenza”, temm jappella l-Isqof.