“Il-korruzzjoni hi dnub soċjali”

"Il-korruzzjoni tista’ titqabbel ma’ kankru li nfirex mal-livelli kollha tas-soċjetà – mill-villaġġ, il-gvernijiet lokali, il-Pulizija, l-Armata, il-Ġudiktura u l-Gvern kollu. Anke xi organizzazzjonijiet mhux governattivi ntlaħqu minn dan il-kankru.  Il-korruzzjoni m'għadha tissorprendi lil ħadd għax saret stil ta’ ħajja li ħafna jqisu bħala xi ħaġa normali."
Dan qalitu l-Konferenza Episkopali tal-Filippini f’Ittra Pastorali li ħarġet fid-dawl tal-elezzjonijiet ġenerali li għandhom isiru fil-pajjiż.
Konxjament jew le, xi membri tal-kleru u reliġjużi saru benefiċjarji tal-korruzzjoni billi jaċċettaw donazzjonijiet minn dawk li huma mdaħħla fil-korruzzjoni.
L-Insara kif għandhom iħarsu lejn il-korruzzjoni?  L-ewwel u qabel kollox il-korruzzjoni hi att personali b’konsegwenzi soċjali.  Forma ta’ serq  imbuttat mill-għatx għall-poter u l-ġid.  Flus li suppost imorru biex itejbu l-ħajja tan-nies – partikolarment tal-foqra – jispiċċaw fi bwiet ta’ uffiċjali korrotti tal-Gvern u dawk li jgħinuhom.
Il-korruzzjoni tista’ twassal għall-mewt jew ħsara fil-proprjetà meta uffiċjali governattivi korrotti jħallu anke kumpaniji kbar jeqirdu l-ambjent u jwasslu għal tniġġiż fl-arja, bdil fil-klima u f’xi każi anke għargħar u diżastri oħra.
Il-korruzzjoni tista’ twassal ukoll għall-qtil meta l-korrotti jippruvaw isikktu lil dawk li jixfuhom. Il-korrotti  jispiċċaw jitilfu ruħhom anke jippruvaw jidhru bħala qaddisin. Il-korruzzjoni mhix biss att personali – dnub li għandu konsegwenzi soċjali gravi. Hi wkoll manifestazzjoni ta’ dnub soċjali.
Id-dnub ma jinstabx biss fil-qlub tal-indivdwi imma jkun ukoll magħġun f’sistemi u strutturi tas-soċjetà – strutturi politiċi, soċjali u ekonomiċi.  Il-korruzzjoni saret stil ta’ ħajja, parti minn kultura. Il-korruzzjoni saret l-ambjent dominanti tas-soċjetà.
 “Ir-rgħiba u l-korruzzjoni – jew fi kliem sempliċi li tisraq mill-pubbliku billi tuża ħażin il-pożizzjoni u l-inflwenza tiegħek saret – messna nistħu – parti ordinarja mill-ħajja pubblika tagħna”, qalu l-Isqfijiet.
“Dak li jdejjaqna aktar huma: l-atti ta’ korruzzjoni jew meta dawn nittollerawhom u ngħixu magħhom u ma nqisuhomx bħala dnub anzi kultant inħarsu lejhom bħala bravuri (meta ma jinqabdux) jew żbalji (meta jinqabdu)”  iżżid l-Ittra Pastorali.