Il-korrezzjoni tal-prezzijiet tal-proprjetà mistennija tkompli wara l-pandemija

Stħarriġ dwar is-suq tal-proprjetà f’Malta waqt il-Covid-19 juri li l-biċċa l-kbira tan-nies jemmnu li l-ekonomija Maltija għandha aktar minn sena biex tirkupra.

Read in English.

Xerrejja u kerrejja ta’ proprjetà għandhom jistennew aktar affordabbiltà fix-xhur li ġejjin, skont stħarriġ ġdid maħruġ minn Belair Property flimkien ma’ Anchovy/Onest Data. L-istħarriġ sar bejn l-24 ta’ April u l-5 ta’ Mejju 2020, u jixħet dawl fuq il-perċezzjonijiet kurrenti u futuri dwar il-proprjetà f’Malta fil-kuntest tal-imxija globali tal-Covid-19.

B’aktar minn 1,000 tweġiba, fosthom mingħand sidien ta’ proprjetà, kerrejja, sidien tal-kera u banek madwar Malta u Għawdex, l-istħarriġ jippreżenta l-veduti ta’ firxa rappreżentattiva tal-pubbliku ġenerali Malti. Il-ħsieb hu li r-rivelazzjonijiet b’saħħithom tal-istħarriġ jistgħu jintużaw biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati fis-suq tal-proprjetà fix-xhur li ġejjin.

“Dan l-istħarriġ juri biċ-ċar perċezzjoni ġenerali – u ġustifikata – li speċjalment f’ċerti oqsma, fis-suq tal-proprjetà immobiljari l-prezzijiet kienu minfuħa sa minn qabel il-Covid,” spjega s-Sur Ian Casolani, Direttur Maniġerjali ta’ Belair Property. “Is-suq kellu bżonn ikun aktar realistiku, u fil-fatt aħna konna diġà qed naraw korrezzjonijiet fil-prezzijiet qabel faqqgħet il-pandemija. Dak li se naraw issa hu s-suq li qed jissokta jiġi f’postu.

“F’ċerti setturi, il-prezzijiet tal-proprjetà se jkomplu jitwittew u jsiru aktar affordabbli. Jekk tħares lejha b’mod ottimist tista’ tgħid li l-Covid-19 qed tikkoreġi l-prezzijiet, u tressaqhom lejn il-valur reali tal-proprjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, il-prezz tal-proprjetà hu dak li n-nies lesti jħallsu għaliha. Għalhekk mil-lat ta’ investiment ngħidu li l-lokalità hi kollox, għax fl-aqwa lokalitajiet dejjem ikun hemm domanda b’saħħitha versu l-provvista. Għaldaqstant, dawn il-proprjetajiet għandhom ħabta jżommu l-valur tagħhom, anke meta l-bqija jkunu qed jillivellaw jew, f’xi żoni, jinżlu.”

B’aktar minn nofs dawk li wieġbu għall-istħarriġ jesprimu xettiċiżmu dwar il-possibilità li l-ekonomija Maltija tirkupra f’inqas minn sena, din it-tip ta’ affordabbiltà se tkun fil-qalba tad-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ investiment fil-proprjetà. Pereżempju, l-istħarriġ juri li l-parti l-kbira tal-parteċipanti (aktar minn 50 fil-mija) jistennew li l-prezz jaqa’ bejn 15 u 30 fil-mija biex jitħajru jixtru proprjetà, waqt li 74 fil-mija tas-sidien tal-kera huma inkwetati dwar il-futur tas-suq tal-kera f’Malta.

“Kemm Malta se ddum biex tirkupra hi ovvjament punt dibattibbli, imma joħroġ ċar li n-nies ma tistenniex li se tirkupra malajr,” kompla s-Sur Casolani. “Minħabba s-sensji li ngħataw fl-industriji tas-servizzi, ħafna ħaddiema barranin ħallew Malta waqt il-pandemija, u ħallew warajhom postijiet tal-kiri vojta. Dan kellu impatt serju fuq is-suq tal-kera. Barra minn hekk, ħafna sidien ġenerożament naqqsu l-kera pagabbli biex jgħinu lill-kerrejja jissuperaw il-kriżi, u qed iħallu l-kera baxxa biex jattiraw kerrejja ġodda.

“L-istħarriġ juri, iżda, li sidien tal-kera oħra jippreferu jistennew li jgħaddi dan il-perjodu ta’ inċertezza milli jnaqqsu l-prezz mitlub, minkejja li jemmnu li jekk jitolbu prezz aktar baxx iżidu r-rata tal-kirjiet. Kollox ma’ kollox, nemmen li sakemm il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet – diffiċli imma kruċjali – li hemm bżonn biex tinkiseb mill-ġdid il-kredibilità ta’ Malta f’kull aspett, is-sena li ġejja tkun żmien tajjeb biex Maltin li jgħixu barra jiġu lura Malta. Imbagħad naraw il-kiri ta’ proprjetà jirritorna għal-livelli li mdorrijin bihom.”

L-irwol tal-banek fis-suq tal-proprjetà kien suġġett jaħraq matul ix-xhur li għaddew. L-istħarriġ juri li 68 fil-mija tal-parteċipanti jħossu li l-bank tagħhom ma appoġġjahomx biżżejjed matul il-kriżi, u 43 fil-mija jemmnu li l-banek għandhom jistabbilixxu politika ta’ kreditu marbuta mal-Covid-19.

“Il-banek kienu ta’ għajnuna sa mill-bidu tal-pandemija billi, pereżempju, nedew miżuri siewja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħlas lura ta’ dejn ipotekarju,” spjega s-Sur Edward Grech, eks bankier u konsulent. “Madankollu, mir-risposti tal-istħarriġ jidher li jista’ jkun li l-messaġġ ma wasalx għand il-pubbliku ġenerali. Jista’ jagħti l-każ li dan ġara peress li l-banek żammew lura milli jnaqqsu aktar it-tariffi u l-interessi għaliex, wara kollox, dawn huma s-sors ewlieni tad-dħul għal bank.

“Matul il-perjodu tal-Covid-19, in-nies fittxew inqas għajnuna mill-banek. Pereżempju, it-talbiet għal self fuq djar naqsu b’madwar 40 fil-mija. L-inċentivi tal-Gvern għal dawk li jixtru proprjetà għall-ewwel darba u għal dawk li jixtru għal skopijiet ta’ investiment u kiri aktarx se jdawru din ix-xejra negattiva. Iżda xorta jibqa’ ħafna inċertezza, kif nistgħu naraw mir-riżultati tal-istħarriġ. Madankollu, sakemm ma tiġix it-tieni mewġa tal-pandemija, naħseb li nistgħu nistennew li n-nies jirritornaw għax-xogħol, ħaddiema barranin jiġu lura Malta, u s-suq tal-kirjiet jerġa’ jieħu r-ruħ.”

Għal kopja tar-riżultati mill-istħarriġ dwar is-Suq Malti tal-Proprjetà Matul il-Covid-19, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Belair Property fuq https://www.belair.com.mt/contact/ jew +356 2011 8000.

Din l-informazzjoni twasslet minn Bel-Air Property.