Il-Korpi Dixxiplinati jridu jkunu eqreb tal-midja – IĠM

Il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, dalgħodu ltaqa’ mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar u mal-Brigadier tal-Forzi Armati, Jeffrey Curmi.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin irringrazzja lill-Ministru għad-disponibilità tiegħu u esprima apprezzament għax-xogħol siewi li qed isir mill-Forzi Dixxiplinati.
Iċ-Chairman tal-IĠM, Karl Wright, spjega li minn konsultazzjoni mal-ġurnalisti, ħarġet ix-xewqa li l-korpi dixxiplinati ta’ Malta jkunu iktar orjentati għall-ħtiġijiet tal-midja.
Wright irrakkomanda li fuq il-post f’każi ta’ inċidenti ta’ ċertu skala, il-Korpi jaħtru punt ta’ referenza għall-midja.
Issuġġerixxa wkoll li f’ċerti każijiet, fejn tinħass il-ħtieġa, il-Korpi Dixxiplinati jikkunsidraw li jżommu aktar laqgħat informali mal-edituri tal-aħbarijiet.
Bil-għan li anki l-ġurnalisti jifhmu aħjar ix-xogħol tal-Korpi Dixxiplinati u biex iż-żewġ naħat jagħrfu jaħdmu aħjar flimkien, intlaħaq qbil biex fiż-żmien li ġej, il-Ministeru u l-IĠM jorganizzaw laqgħa fit-tul għall-ġurnalisti.