Il-Korp tal-Pulizija jinawgura taqsima dwar il-vjolenza domestika

Angelo Gafa
Clodagh O'Neill (DOI)

It-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija  ġiet inawgurata uffiċjalment nhar il-Erbgħa, xahrejn wara li bdiet topera, bil-Kummissarju Angelo Gafà jgħid li din se tgħin biex iżżid il-fiduċja tal-vittmi ta’ dawn ir-reati fil-Korp.

Qabel ma ġiet imwaqqfa din it-taqsima, każi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta’ vjolenza domestika kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-pulizija tad-distrett. It-taqsima b’hekk toffri servizz aktar speċjalizzat minn dak li kien jiġi offrut lill-dawn il-vittmi.

It-taqsima taħdem bi tlett timijiet, 24 siegħa kuljum, u fl-ewwel xahrejn tagħha rċeviet aktar minn 270 rapport. Minn dawn, 182 kienu jinvolvu lil nisa, filwaqt li l-88 rapport l-ieħor saru minn irġiel.

“It-twaqqif ta’ din it-taqsima hija xhieda tad-determinazzjoni tagħna biex inbiddlu l-mentalità, mhux biss tal-Korp iżda tas-soċjetà,” qal il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. “Però n-nies taf li lesti nisimgħu, lesti nirranġaw fejn hemm bżonn u lesti nkunu iebsa u sodi ma min ma jilħaqx il-livell ta’ servizz li qed nippretendu għall-vittmi ta’ dan ir-reat.”

Tkellmet ukoll mart il-Prim Ministru Lydia Abela, li qalet li t-twaqqif ta’ din it-taqsima hi xhieda ta’ kemm il-vittmi ta’ vjolenza domestika kellhom fejn jirrikorru għall-għajnuna.

“Illum m’għadux iż-żmien li tħossok waħdek. Illum hawn min jismgħek”, sostniet Abela, anke jekk irrikonoxxiet li fadal ħafna xi jsir, inkluż li toffri tama lill-vittmi.