Il-Korp tal-Pulizija f’għajta waħda wara Simon Schembri

Rappreżentanti, membri u eksmembri tal-Korp tal-Pulizija se jingħaqdu f’mixja ta’ solidarjetà ma’ Simon Schembri u l-Pulizija kollha li ta’ kuljum jaqdu dmirhom fis-soċjetà.
Dan tħabbar illum fi stqarrija konġunta mill-unjin tal-uffiċjali tal-Pulizija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-uffiċjali tal-Pulizija rtirati. 
Il-mixja ġiet wara li t-Tlieta, il-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri ttajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena waqt li kien qed jaqdi dmiru.
Fl-istqarrija ffirmata mit-tliet presidenti tal-għaqdiet, ġie spjegat kif il-Korp tal-Pulizija jistħoqqilhom l-appoġġ kollu, speċjalment meta wieħed jara dak “li jsofru u jgħaddu minnu kuljum sabiex jaqdu mill-aħjar li jistgħu d-doveri tagħhom, b’sogru għalihom u għall-familjari tagħhom”.
Il-mixja li se tiġi organizzata s-Sibt fl-10am se tibda minn pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u tispiċċa quddiem il-Parlament. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi.
“Il-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom igawdu rispett lejn il-ħidma li jwettqu” – GWU
Il-General Workers Union (GWU) sostniet li l-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom igawdu r-rispett lejn il-ħidma li jwettqu u għaldaqstant se tkun qed tappoġġja l-mixja ta’ solidarjetà.
Fi stqarrija, l-GWU spjegat li huwa inaċċettabbli li fil-Gżejjer Maltin jibqgħu jseħħu każi ta’ aggressjoni fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Għalhekk issostni li hemm bżonn li jintbagħat messaġġ kontra kull tip ta’ vjolenza fuq il-Pulizija, u fuq kull min iservi biex iħares lill-pajjiż u liċ-ċittadini tiegħu.
Fl-istqarrija l-unjin spjegat ukoll li l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-każ ta’ Schembri b’serjeta kbira u jassiguraw li dawk ħatja jeħlu pieni ħorox.
“Din il-mixja għandha tkun opportunità għal wirja ta’ apprezzament” – PL
Il-Partit Laburista ħabbar li se jkun qed jattendi għall-mixja permezz ta’ delegazzjoni li tirrappreżentah. 
Sostna li din il-mixja għandha tkun wirja ta’ apprezzament mill-poplu Malti għall-ħidma ta’ dawk kollha fil-forzi tal-ordni.
Fakkar kif dawn il-persuni, inkluż Schembri, jagħmlu l-għalmu tagħhom sabiex jgħinu u jipproteġu liċ-ċittadini Maltin, anke meta dan ifisser sagrifiċċju u periklu personali.
"Il-PN dejjem kien kontra kull forma ta' vjolenza"
Il-Partit Nazzjonalista spjega li dejjem kien kontra kull forma ta' vjolenza li ssir fuq il-membri tal-Korp ral-Pulizija. 
Dan qaluh fi stqarrija filwaqt li ħabbru li se jipparteċipaw fil-mixja huma wkoll, permezz ta' delegazzjoni.
Sostna li l-membri tal-Korp tal-Pulizija ta' kuljum jissograw ħajjithom sabiex jagħtu l-ogħla forma ta' sigurtà lin-nies.
"Hemm bżonn sens kbir ta' solidarjetà ma' Schembri" – For.U.M.
Il-Forum tal-Unjins Maltin, li għandha 13,000 membru fi ħdanha ddikjarat is-sapport tagħha lill-mixja, filwaqt li appellat lill-membri kollha tagħha sabiex juru solidarjetà mal-Pulizija Schembri u familtu. 
Sostniet li l-attakk għandu jiġi kkundannat, speċjalment meta wieħed jirrealizza li dan kien persuna li kien qed jaqdi dmirijietu fis-soċjetà.
"Huwa ta' għajb li min jipproteġi s-soċjetà jisfa attakkat b'dan il-mod brutali" – AD
L-Alternattiva Demokratika saħqet li huwa ta' għajb li min jipproteġi lis-soċjetà jisfa attakkat bil-mod kif ġie attakkat Schembri. Sostniet li wieħed mill-irwoli tal-pulizija huwa li jevitaw perikli u sewqan perikoluż fit-toroq.
Għal din ir-raġuni, id-Deputat Ċerpersin tal-AD, Mario Malli se jkun qed jingħaqad mal-mixja ta' solidarjetà, flimkien ma' attivisti oħra tal-istess partit. 
"Nesprimu s-solidarjetà ma' Schembri" – CMTU
Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unjins ta' Malta (CMTU), esprimiet solidarjetà mal-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri u l-familja tiegħu, filwaqt li sostniet li tissapportja bis-sħiħ il-mixja fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija spjegat li għal pajjiż modern, b'valuri pożittivi, huwa essenzjali li s-setturi kollha tas-soċjetà jaħdmu flimkien sabiex episodji tat-tip ma jsiru qatt aktar.
Ritratt: Mill-Arkivji