Il-Korp tal-Pulizija b’tagħmir u sistemi ġodda

Il-Korp tal-Pulizija f'Malta investa f'tagħmir ġdid hekk kif ibbenefika mill-Fond għall-Fruntieri Esterni 2007-2013.

Fost l-oħrajn il-Korp xtara t-tagħmir bżonnjuż għall-iċċekkjar u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' Malta, 11-il vettura intiżi speċifikament għas-sorveljanza u għall-attivitajiet illegali fil-qsim tal-fruntieri. Inxtara wkoll tagħmir relatat mal-iċċekkjar ta' dokumenti li jinkludi sistema ta' image creation intiża għall-kostruzzjoni ta' imaġini tal-wiċċ ta' persuni suspettati involuti fit-traffikar u kuntrabandu tal-bnedmin.

Investa wkoll fi 12-il optic viewer  u 8 retro viewers li jintużaw mill-uffiċjali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri li jiċċekjaw il-ġenwinità tad-dokumenti tal-ivjaġġar dubjużi.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li dan kollu nxtara bħala parti mill-programm annwali 2011 li ngħalaq f'Ġunju 2013. Żiedet tgħid li l-Korp qed ikompli bl-implimentazzjoni ta' proġetti oħra kofinanzjati mill-Programmi tal-2012 u 2013 li jiġu fi tmiemhom fit-30 ta' Ġunju 2014 u 2015 rispettivament. 
 
Il-Korp tal-Pulizija f'Malta bbenefika mill-Fond għall-Fruntieri Esterni Programm Annwali 2011 li ngħalaq f’Ġunju 2013.
Permezz ta’ dan il-programm inxtara tagħmir bżonnjuż għall-iċċekkjar u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta’ Malta.

75% ta' dan il-proġett sar minn fondi Ewropej. 

Ritratt: Media Police