“Il-Korp ma jipproteġiniex; weġġgħu 6 f’ġimgħa” – Spettur

L-Ispettur Sandro Camilleri saħaq li l-membri tal-Korp tal-Pulizija mhux qed ikunu protetti. Irrefera għas-sitt uffiċjali tal-Pulizija li weġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom il-ġimgħa li għaddiet.
Waqt il-programm Newsline li jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħodu fuq RTK, l-Ispettur Camilleri, li huwa l-President tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union, qal li mal-każ tal-pulizija li ġie aggredit minn raġel f’Ħal Għargħur, kien hemm ħames każi oħra ta’ vjolenza.
Is-Sibt stess filgħaxija, Newsbook.com.mt irrapporta każ ieħor ta’ vjolenza fil-konfront tal-Pulizija, din id-darba f’Ħal Qormi meta kuntistabbli mar jofroq ġlieda.
“Il-Pulizija m’għadhiex stmata”
Semma li l-vjolenza fuq il-Pulizija f’Malta żdiedet sforz ħafna affarijiet fosthom li l-istat li mhux jagħti biżżejjed protezzjoni, il-Qrati li bis-sentenza tagħhom mhumiex ikunu b’saħħithom u anke mill-Uffiċjali fil-Korp stess li baqgħu bl-istess policies li ma jirriflettux ir-realtajiet tal-lum.
Mistoqsi dwar il-każ li seħħ meta studenti tal-Junior College kienu qed jiċċelebraw ir-rebħa tal-Pulse, l-Ispettur Camilleri qal li din s-Surġent sofriet ksur f’idha meta studenti tefgħu likwidu u mbuttawha.
Akkuża lill-Korp li f’dan l-avveniment li jsir kull sena, ma kienx hemm biżżejjed Pulizija biex iżommu l-ordni.
L-Ispettur ippropona li l-istrutturi fil-Korp għandhom jinbidlu biex jipproteġu lill-uffiċjali.
Fost l-oħrajn ippropona tibdil fil-liġi biex min jattakka lill-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, jingħata pieni ta’ ħabs effettivi. Sostna li s-sentenzi kontra min jattakka l-Pulizija ma jistgħux jibqgħu “biċ-ċuċati żgħar” għax fi kliemu “qed iweġġgħu in-nies”.
Il-President tal-POU qal li “l-vjolenza fuq il-pulizija ilha ġejja minn tal-inqas 20 sena”. Irrimarka li ma żdiditx biss b’mod fiżiku iżda anki b’mod verbali. Semma kif kulħadd sar jitkellem ħażin u joffendi lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
“Min iweġġa’ jkollu jħallas… għax bla polza ta’ assigurazzjoni”
L-Ispettur Camilleri qal li dawn l-Uffiċjali li jweġġgħu waqt ix-xogħol qed ikollhom iħallsu huma għal xi trattament jew mediċina li jkollhom jieħdu kawża tal-inċident.
Issuġġerixxa li l-Pulizija għandu jkollhom polza tal-assigurazzjoni li tiggarantixxi li f’ċirkostanzi simili jsibu l-għajnuna awtomatikament. Qal ukoll li kien hemm anke Kummissarji fil-passat li ma implimentawx dawn il-proposti.
Tista’ tisma’ l-programm sħiħ hawn.