Il-Korp ifaħħar il-qlubija ta’ 2 uffiċjali li daħlu fin-nirien u salvaw 7 persuni

Il-Korp tal-Pulizija faħħar xogħol żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li aktar kmieni llum irriskjaw ħajjithom fin-nirien li ħakmu appartament f’Wied il-Għajn, u li bis-saħħa tagħhom 6 persuni u tarbija ta’ sentejn ma sofrew ebda ġrieħi.
Dawn l-uffiċjali huma PS 692 O.Pace u PC1038 A.Zammit.
L-inċident li l-istqarrija tal-Pulizija kienet qed tirreferi għalih madankollu ħalla vittma, Gordon Spiteri ta’ 35 sena, li nstab mixħut għal tulu fil-komun tal-bokka tal-appartament, u ftit wara Mater Dei miet minħabba d-dħaħen li bela’.
Il-Korp qal li meta rċieva r-rapport, minnufih is-Surġent u l-Kuntistabbli marru minnufih fuq il-post fejn innutaw duħħan ħiereġ minn gallarija u kif ukoll dehru xi persuni fl-aħħar sular li ma setgħux jinżlu minħabba d-dħaħen.
Minnufih ġew ikkuntattjati il-Protezzjoni Ċivili u s-servizz mediku.
Iż-żewġ uffiċjali staqsew hemmx aktar nies fil-blokka, u meta rrimarkawlhom li jista’ jkun hemm raġel li għadu ma ħariġx mill-appartament ta’ fuq dak li kien ħa n-nar, bla ħasbuha darbtejn daħlu biex jassistuh.
L-uffiċjali, tkompli l-istqarrija, setgħu jisimgħu raġel isejjaħ għall-għajnuna, iżda minħabba l-ammont ta’ dħaħen ma setgħux javvanzaw aktar u ħarġu mill-post.
Ir-raġel li kien qed jgħajjat għall-għajnuna kien Gordon Spiteri, li mbagħad inħareġ aktar tard mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Fl-istess ħin, membri mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit assistew familja li nqabdet fuq l-bejt u dawn tniżżlu minn blokka fil-vicin.
Fir-ritratt mill-Facebook: il-vittma