Il-Korea ta’ Isfel toffri li tpoġġi madwar mejda mal-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Isfel offriet li tpoġġi madwar mejda mal-Korea ta’ Fuq biex jiddiskutu l-possibbilità li Pyongyang tieħu sehem fl-Olimpjadi tax-Xitwa li se jsiru din is-sena.
Dan wara li Kim Jong-un, fid-diskors annwali tal-ewwel tas-sena, qal li qed jikkunsidra jibgħat tim fil-Korea ta’ Isfel biex jieħu sehem f’dan il-logħob li se jsir ix-xahar li ġej.
Il-Korea ta’ Isfel stiednet lill-Korea ta’ Fuq biex fid-9 ta’ Jannar jiltaqgħu u jiddiskutu din l-opportunità.
Il-President tal-Korea ta’ Isfel qal li dan se jkun ċans biex tkun indirizzata t-tensjoni li qed teskala fil-peniżola Koreana.
Jekk il-Korea ta’ Fuq taċċetta, dawn se jiltaqgħu f’villaġġ li jinsab fuq il-fruntiera u li mhux l-ewwel darba li fih, il-Korea ta’ Isfel u l-Korea ta’ Fuq iltaqgħu biex jinnegozjaw u jiddiskutu.
Il-Korea ta’ Fuq għadha ma weġbitx għal din l-offerta.