Il-Korea ta’ Fuq tisraq dokumenti militari tal-Korea ta’ Isfel

Il-Ministeru għad-Difiża tal-Korea ta’ Isfel għadu ma kkumentax dwar rapporti fuq midja internazzjonali li qed jirrappurtaw li hackers mill-Korea ta’ Fuq serqu għadd kbir ta’ dokumenti militari mill-Korea ta’ Isfel.
Qed jingħad li fost dawn id-dokumenti, kien hemm pjan iddettaljat biex jinqatel il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-Un.
Fost affarijiet oħra, qed ikun allegat li d-dokumenti kienu jinkludu pjanijiet ta’ gwerra mfassla mill-Korea ta’ Isfel flimkien mal-Istati Uniti u anke rapporti li ntbagħtu lill-kmandanti tal-alleati.
Uffiċjal għoli fil-Partit Demokratiku tal-Korea ta’ Isfel, Rhee Cheol-hee qal li nsterqu madwar 235 gigabyte ta’ informazzjoni u li 80% tad-dokumenti għadhom ma ġewx identifikati.
Il-hacking seħħ f’Settembru li għadda.
Mhux l-ewwel darba li l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat tal-Korea ta’ Isfel, Yonhap News, Service, irrappurtat li l-Korea ta’ Fuq ppruvat tisraq informazzjoni minn siti tal-Gvern u faċilitajiet oħra.