Il-Korea ta’ Fuq tispara missila

Il-Korea ta’ Fuq sparat missila bi prova li splodiet ftit sekondi biss wara li nqatgħet mill-art.
Skont il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, din il-missila ma rnexxilhiex titlaq mit-territorju tal-Korea ta’ Fuq.
Jidher li l-missila ġiet sparata fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu minn provinċja qrib Pyongyang. S’issa għadu mhux magħruf x’tip ta’ missila kienet.
B’reazzjoni għal dan, fuq Twitter il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-Korea ta’ Fuq naqset milli tirrispetta x-xewqiet taċ-Ċina u tal-President ta’ dan il-pajjiż.
Huwa ddeskriva t-tnedija ta’ din il-missila bħala “ħażin”.
S’issa ma kien hemm l-ebda reazzjoni mill-Korea ta’ Fuq.
It-tensjoni fir-reġjun żdiedet sew dan l-aħħar, hekk kif kemm il-Korea ta’ Fuq kif ukoll dik t’Isfel qed imexxu eżerċizzji militari kontinwi.