Il-Korea ta’ Fuq teħles ċittadini Amerikani f’att ta’ rieda tajba

Il-Korea ta’ Fuq ħelset tliet ċittadini Amerikani mill-ħabs bħala ġest ta’ rieda tajba, ftit ġimgħat qabel is-summit storiku bejn il-President Donald Trump u l-Mexxej Korean, Kim Jong-un.
Din l-aħbar żvelaha Trump stess bi tweet, u qal li se jilqa’ personalment lil dawn il-persuni ladarba jaslu lura pajjiżhom mas-Segretarju tal-Istat, Mark Pompeo, li dan l-aħħar kien il-Korea ta’ Fuq biex jippjana l-laqgħa tant mistennija.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Il-priġunieri ċittadini Amerikani huma Kim Hak-song, Tony Kim u Kim Dong-chu, li ġie rrappurtat li setgħu jimxu mingħajr ebda għajuna fit-traġitt tagħhom lejn l-Istati Uniti.
Huma kienu arrestati minħabba attivitajiet li wettqu kontra l-istat, u tpoġġew ukoll f’kampijiet tax-xogħol.
Wieħed minnhom kien ilu fil-ħabs mill-2015, u t-tnejn l-oħra ftit aktar minn sena.
L-impriġunament tagħhom kien tqies bħala wieħed politku, u ħafna kkundannawh bħala ksur tad-drittijiet umani.
Jidher li l-kundizzjoni ta’ dawn il-ħabsin kienet fattur importanti għar-relazzjoni bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti, u aktar kmieni dax-xahar kien ġie rrappurtat li tmexxew mill-ħabs għal-lukanda. Dan kien sinjal li kien hemm pjanijiet biex jinħelsu.
Ftit anqas minn sena ilu, priġunier Amerikan, Kenneth Bae, kien miet f’ħabs fil-Korea ta’ Fuq, wara li kien sfurzat jaħdem sitt ijiem fil-ġimgħa, minkejja li kien marid.
Fir-ritratt: wieħed mill-priġunieri li nħelsu, Kim Dong-chul, lura fl-2016