Il-Korea ta’ Fuq ‘qed iżżomm f’moħħha’ lil Gaddafi u Saddam Hussein

Sa ġimagħtejn oħra l-Korea ta’ Fuq tkun għalqet għalkollox is-sit nukleari tagħha billi ġġarraf il-mini kollha li fihom kienu jsiru t-testijiet.
Dan ħabbru l-Ministru Korean għall-Affarijiet Barranin fuq l-istazzjon tal-istat, meta rrimarka li dan kollu se jsir bejn it-23 u l-25 tax-xahar.
Fuq wiċċ l-art, l-aċċess se jkun imblukkat għal kulħadd, kemm għall-gwardjani li hemm illum, kif ukoll għar-riċerkaturi u l-ġurnalisti. Madankollu l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, stieden lill-ġurnalisti barranin biex imorru jirrappurtaw, u dan qed jitqies bħala pass ta’ rieda tajba qabel is-summit mal-President Amerikan fit-12 ta’ Ġunju f’Singapor.
Sadanittant, xi ġeologi Ċiniżi jemmnu li l-muntanja li kien hemm fuq l-art li taħtha hemm dawn il-mini kienet diġà ġġarrfet wara l-akbar test nukleari li wettqet il-Korea ta’ Fuq is-sena l-oħra.
Il-ġimgħa l-oħra l-pajjiż ħeles ukoll tliet ċittadini Amerikani mill-ħabs, bħala ġest ta’ rieda tajba.
Madankollu xi analisti politiċi li ilhom fil-qasam qed jarwha bi tqila li Jong-un iċedi l-programm nukleari tiegħu hekk, u ntqal ukoll li l-Koreani nnutaw li mexxejja oħra fil-passat li waqqfu l-programm tal-armi tagħhom spiċċaw biex ittajru mill-Istati Uniti biż-żmien, bħal Muammar Gaddafi u Saddam Hussein.
Anki l-fatt li l-ġimgħa l-oħra Trump iddeċieda li joħroġ lil pajjiżu mill-ftehim mal-Iran qanqal aktar kawtela f’Kim Jong-un għal kull ftehim li jagħmel mal-Istati Uniti.