Il-Korea ta’ Fuq lesta twaqqaf il-programm nukleari tagħha, jekk…

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fyq, Kim Jong-un, qal li pajjiżu lest iwaqqaf il-proġett nukleari tiegħu biss jekk is-sigurtà tar-reġim tiegħu tkun garantita, u x-xahar id-dieħel se jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Korea t’Isfel wara altar minn 10 snin.
Jong-un u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, se jiltaqgħu fiż-żona demilitrizzata ta’ Panmunjom, li tfisser ukoll “il-villaġġ tal-paċi”, u hu mifhum li ż-żewġ pajjiżi qablu li titwaqqaf linja telefonika diretta bejn iż-żewġ mexxejja.
Jekk il-laqgħa sseħħ, tkun it-tielet waħda mindu l-Korea nfirdet fl-1953.
Huma u ġejjin lura minn żjara rari fil-Korea ta’ Fuq, id-delegazzjoni tal-Korea t’Isfel qalet li Jong-un qalilhom li sakemm tinżamm din ir-relazzjoni diplomatika bejniethom, mhux se jerġa’ jittestja missila oħra, għalkemm wegħdiet simili saru fil-passat, iżda ma żammhomx.
Sadanittant, il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq qal li kienet xewqa ta’ missieru fuq is-sodda tal-mewt, li l-Korea ta’ Fuq jirnexxilha ttemm darba għal dejjem l-armi nukleari tagħha.
Il-President Amerikan, Donald Trump, li flimkien ma’ Jong-un beżżgħu lid-dinja fl-aħħar xhur bit-theddid tagħhom lil xulxin, kiteb fuq Twitter li d-dinja għajnejha kollha fuq iż-żewġ mexxejja tal-Korea, u rrimarka li għall-ewwel darba hemm sforz serju għall-paċi.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Temm jgħid li din tista’ tkun ferħa bla temma, imma jiġri x’jiġri l-Istati Uniti se tidħol b’ruħha u b’ġisimha għal li jinqala’.
Ir-relazzjoni bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel tjiebet xi ftit, speċajlment minħabba l-Logħob Olimpiku Xitwi fil-Korea t’Isfel, li għadu kif intemm.