​Il-Korea ta’ Fuq iddaħħal €150 miljun minn esportazzjonijiet illegali

Il-Korea ta’ Fuq daħħlet aktar minn €150 miljun minn esportazzjoni ta’ oġġetti projbiti skont rapport kunfidenzjali ta’ uffiċjali tal-Ġnus Magħquda.
L-Aġenzija tal-Midja Reuters li rat kopja tar-rapport qalet li l-Korea ta’ Fuq qed tiġi akkużata fost l-oħrajn li bagħtet armi lejn is-Sirja u lejn il-Myanmar.
Ir-rapport żvela kif il-Korea ta’ Fuq kienet qed tbigħ il-faħam lir-Rusja, liċ-Ċina, u lill-Korea ta’ Isfel fost pajjiżi oħra permezz ta’ documenti foloz li kienu jgħidu b'mod qarrieqi li l-faħam kien ġej mir-Rusja jew miċ-Ċina.
Fir-rapport kien hemm miktub li l-Korea ta’ Fuq diġà bdiet tmur kontra l-aħħar reżuluzzjonijiet li ġew imposti fuqha. Il-pajjiż baqa' jesplojta l-industrija taż-żejt, persuni barranin kompliċi, kumpaniji offshore, u s-sistema bankarja internazzjonali.
Ir-rapport semma wkoll li numru ta’ kumpaniji kbar taż-żejt kienu qed jiġu nvestigati għall-irwol li seta’ kellhom fit-trasferiment ta’ prodotti, bħaż-żejt, lejn il-Korea ta’ Fuq. Madanakollu, r-rapport ma semmiex lil dawn il-kumpaniji b’isimhom.