Il-Korea ta’ Fuq b’missila ġdida li tista’ tolqot l-Istati Uniti kollha

Il-Korea ta’ Fuq qalet li wettqet prova b’tip ta’ missila ballistika interkontinentali u li tista’ tilħaq it-territorji kollha tal-Istati Uniti.
L-istazzjon tal-Istat qal li din il-prova kienet suċċess u li issa l-Korea ta’ Fuq laħqet il-missjoni tagħha li tkun stat nukleari.
Il-missila, li skont Pyongyang hija l-iżjed waħda b’saħħitha, ġiet sparata ilbieraħ u spiċċat waqgħet fil-baħar tal-Ġappun.
Wara din il-prova, il-Prim Ministru Ġappuniż ordna laqgħa urġenti tal-Gvern.
Qed jintqal li qatt qabel ma ġiet sparata missila li taret daqshekk fl-għoli.
Skont KCNA, l-aħbarijiet tal-istat, il-missila laħqet għoli ta’ 4,475 kilometru u f’53 minuta taret 950 kilometru.
S’issa ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti.