Il-Kor Żvediż Vox Feminae b’kunċert ta’ mużika sagra f’Malta

L-għaqda JP2 Foundation se tkun qiegħda tikkomemora l-għaxar anniversarju tal-JP2 Memorial Festival  u d-39 anniversarju mill-pontifikat ta’ San Ġwanni Pawlu t-Tieni permezz ta’ kunċert ta’ mużika sagra mill-kor Żvediż Vox Feminae. 
Il-Kunċert se isir fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa 6 t’Ottubru u jibda fis-7.30 ta’ filgħaxija bil-pubbliku jkun mistieden jattendi. 
Il-Kor Żvediż huwa kompost minn madwar għoxrin mara b’etajiet li jvarjaw minn 25 sa 75 sena u huwa mmexi minn Staffan Krafft li huwa wkoll l-organista principali tal-knisja ta’ San Tumas fil-kapitali Żvediża Stokkolma. Ir-reppetorju tal-kor jinkludi xogħol minn bosta kompożituri magħrufa u anke mużika Żvediża mis-seklu dsatax. 
F’dan il-kunċert il-kor Vox Feminae se jkun akkumpanjat mill-vjolinisti tal-grupp ‘Rose Kvartetten’.