Il-Kor Gaulitanus jipparteċipa f’Festival Mediterranju f’Korsika

Fil-bidu ta' Novembru ttellgħet is-17-il edizzjoni tal-festival Mediterranju f’Korsika fi Franza. 
Is-surmast direttur tal-Kor Gaulitanus ta' Għawdex, Colin Attard kien mistieden mill-organizzaturi ta' dan il-festival, biex imexxi grupp t’artisti Maltin f’dan il-festival. 
It-tlett soprani solisti tal-Kor Gaulitanus, Patricia Buttigieg, Stephanie Portelli u Annabelle Zammit, irrapreżentaw lil pajjiżna maġenb artisti minn Spanja, Franza, Monako, Italja, Grecja, Marokk, Eġittu, Tuneżija, Korsika, kif ukoll mill-Veneżwela li kienet mistiedna speċjali non-Mediterranja.
L-ewwel impenn għar-rappreżentazzjoni Maltija kien f’Canonica, knisja medjevali Lucciana li għandha akwistika eċċellenti. 
Flimkien mal-artisti Għawdxin ħadu sehem mużiċisti mill-Conservatoire de Monaco
L-artisti lokali kienu mistiedna biex jieħdu sehem f’wieħed mill-avvenimenti edukattivi tal-festival li sar fil-Kulleġġ Montesoro li huwa skola sekondarja f’Bastia. 
Bħas-soltu l-festival wasal fi tmiemu b’final grandjuż fit-Teatru Muniċipali ta’ Bastia fejn ħadu sehem ir-rappresentanti tal-pajjiżi kollha.
L-organizzaturi tal-festival stiednu wkoll lil kontinġent Għawdxi biex janima l-quddiesa tal-Ħadd fil-knisja ta’ Sant’Antnin f’Bastia, knisja tas-sittax-il seklu, parti minn Monasteru Kapuċċin, b'panorama stupenda li tagħti fuq il-Port ta’ Bastia.