Il-koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien inawgurata f’Lejl il-Milied

L-inawgurazzjoni tar-restawr u ridekorazzjoni tal-Koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien se jsir nhar l-24 ta’ Diċembru għall-ħabta ta’ 10pm matul il-Velja tal-Lejl Qaddis tal-Milied.

Din se tkun inawgurata mit-tfal preżenti li se jiġbdu ħabel wieħed ilkoll flimkien u b’hekk wara żmien twil ħafna il-poplu Tarxiniż se jerġa’ jibda jgawdi din l-opra mill-isbaħ.

Il-kumpanija Agatha Grima Conservators ġiet fdata bir-restawr tal-pittura.  Minbarra tindif minn ħmieġ u verniċetta antika, fejn kien hemm bżonn sar konsolidar tal-ġebla u twaħħil mill-ġdid tat-tila mal-ħitan.

L-ewwel restawr fuq id-dekorazzjoni tal-koppla sar fl-1986.  Id-direzzjoni ġenerali kienet f’idejn Dun Gino Gauci li ħa ħsieb it-tindif u r-restawr tal-pittura waqt li voluntiera żebgħu u għamlu t-tiswijiet li kien hemm bżonn.  Fost dawn kien hemm Renzo Gauci li pitter l-anġli li kien hemm fis-saqaf tal-anterna.  Din il-ħaġa, il-mibki Renzo, reġa’ għamilha fl-2017.  Kellha jkun l-aħħar xogħol tiegħu fil-knisja.

Fl-2008 ingħata bidu biex l-iskutella tal-anterna tinbidel għax il-ġebel kien fi stat ħażin ħafna.  Wara li nbidel is-saqaf tal-anterna beda x-xogħol ta’ restawr.  Din id-darba l-ħsarat kienu sostanzjali.  Xi voluntiera, fosthom uħud li kienu diġà ħadmu fl-1986, offrew l-għajnuna tagħhom.

Din id-darba ix-xogħol ma mexiex ħarir bħal ma kien ġara fl-1986.  Meta ngħelbu l-intoppi li nqalgħu għadd sabiħ ta’ voluntiera ngħaqdu u offrew sigħat mill-ħin tagħhom biex, barra li sar ix-xogħol kollu li kien hemm bżonn, bħal ma huwa tikħil, tiswija ta’ skultura, żebgħa u nduratura ġew iffrankati eluf ta’ ewro.

Għal aktar informazzjoni – anke dwar l-attivitajiet li qed ikunu organizzati fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien – tistgħu  tagħmlu kuntatt mal-Arċipriet Dun Christpher Ellul fuq 99472641.