Koppja ssuspettati fi traffikar taż-żejt jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Miguela Xuereb

Il-koppja Debono li huma ssuspettati bi traffikar taż-żejt ingħataw il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €50,000 kull wieħed u €150,000 f’garanzija personali. Huwa ġew ordnati jiffirmaw l-bail book darbtejn kuljum.

L-Erbgħa, Gordon u Yvette Debono tressqu l-Qorti għall-ewwel smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Huma kienu ilhom jinżammu taħt arrest preventiv min-Novembru li għadda.

L-investigazzjoni bdiet fl-2013, wara li l-pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali. Il-Europol u l-Guardia di Finanza Taljana ħadmu fuq din l-investigazzjoni bl-isem ta’ Operazzjoni Proteus. Il-kont ingħalaq f’Marzu 2018.

F’din l-investigazzjoni ħareġ li Gordon Debono kellu kont fis-Satabank. F’sentejn huwa rċieva €530,000 mingħand diversi sorsi fosthom Petroplus and Petroplus Trading (BVI).

Instabu wkoll numru kbir ta’ ċekkijiet indirizzati lil Shaun Higgans li huwa kien isarraf. Higgans huwa akkużat b’ħasil ta’ flus fi proċeduri separati. Huwa maħsub t-total ta’ ċekkijiet jaqbeż is-€7.1 miljun.

Fi tfittxija li saret wara li ngħataw mandat, il-pulizija elevat diversi oġġetti elettroniċi mid-dar tal-koppja u madwar 30 karozza li huma tal-koppja. Instab ukoll li Yvette Debono xtrat propjetà li tiswa madwar €1.7 miljun minkejja li qalet li hija ilha ma taħdem madwar tmien snin.

Waqt l-interrogazzjoni Gordon Debono qal lill-pulizija li huwa jaqla madwar €5,000 fix-xahar mill-propjetà iżda ma semmiex il-lista ta’ dawn il-propjetajiet.

L-Ispetturi Joseph Xerri, Omar Caruana u James Turner mexxew il-prosekuzzjoni u kienu assistiti mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Elaine Mercieca u Cinzia Azzopardi Alamango.

L-Avukat Roberto Montalto deher għal Gordon Debono, filwaqt li Joe Giglio deher għal Yvette Debono.