Il-koppja Cutajar jingħataw il-ħelsien mill-arrest

    Il-koppja Aldo u Isabel Cutajar ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li llum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza dwar każ relatat ma’ allegat ħasil ta’ flus.

    Aldo Cutajar li huwa eks Konslu ta’ Shangai, flimkien mal-mara tiegħu ġew arrestati wara li l-pulizija waqt rejd li saret fid-dar tagħhom sabu €500,000 fi flus kontanti. Fil-Qorti nstema’ wkoll li l-koppja għandhom  ammont konsiderevoli ta’ flus f’kontijiet barra minn Malta.

    Fost ix-xhieda li ngħatat aktar kmieni llum, fil-Qorti xehed Daniel Miles Ashforth li jaħdem fil-qasam tal-jottijiet. Huwa spjega kif lill-koppja urihom jott li jiswa aktar minn €600,000 iżda ma kien sar l-ebda ftehim ta’ bejgħ.

    Wara li semgħet ix-xhieda mressqa, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddeċidiet hemm biżżejjed provi biex il-koppja jitqiegħdu taħt akkuża. Il-koppja ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kudizzjonijiet.