Filmat: Il-Koppini jiċċelebraw il-ħajja ta’ Matthew Bartolo

Għadd ta’ żgħażagħ Koppini kienu fost il-mijiet li attendew bi ħġarhom fil-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop biex jagħtu l-aħħar tislima lil Matthew Bartolo, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol il-ġimgħa li għaddiet.
Fl-omelija, l-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva lil Matthew bħala żagħżugħ “mimli enerġija u ġenerożità, li kellu doni kbar fosthom il-kapaċità kbira li joħlom.”
Bi swied il-qalb stqarr li hi kiefra li tħalli ħajtek waqt li qed taħdem biex twettaq il-ħolm tiegħek.
L-Arċisqof saħaq dwar l-importanza tal-ħbiberija vera li tagħmel il-ħajja sabiħa, anke jekk qasira.  
Appella liż-żgħażagħ biex jgħożżu l-ħbiberija ta’ bejniethom, ikunu leali lejn xulxin u qatt ma jużaw lil xulxin għall-ebda skop.
Mons. Scicluna saħaq li hi xi ħaġa sabiħa li miċ-ċokon, wieħed jitgħallem xi tfisser il-fedeltà fil-ħbiberija.
Semma kif anke meta wieħed jikteb messaġġ fuq l-internet, għandu jqis kliemu tajjeb u juża kliem ta’ rispett anke fil-konfront ta’ xi ħadd li ma jkunx jaħmel.
L-Arċisqof qal li Matthew sab ħbieb ta’ veru u anke opportunità biex jesprimi d-doni straordinarji tiegħu fil-volontarjat.
Irrimarka li l-Knisja hi ppakkjata bin-nies u staqsa jekk kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tkunx mimlija b’dan il-mod.  Qal li m’hemmx bżonn ikun Matthew biex nersqu lejn il-Mulej.
Stieden lil dawk preżenti biex jimmaġinaw f’qalbhom x’qed jgħidilhom Matthew issa li ltaqa’ ma’ Ġesù.
Wara l-quddiesa, Marija, it-tfajla ta' Matthew wasslet messaġġ imqanqal fuq l-għatba tal-każin fejn qaltlu li ġara kif kien jgħidilha li l-mewt tifridhom. Sejħitlu 'anġlu' u 'teżor', "tlift lilek, tlift kollox."
Owen, ħu Matthew qallu li jixtiequ qiegħed ħdejh biex jgħożżu miegħu, u fakkru kemm kienu jidħku flimkien. 
Il-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Kirkop kienet mimlija daqs bajda, bin-nies jimlew ukoll iz-zuntier u anke nofs il-pjazza.