Aġġornata (2): Il-Koperattiva tas-Sajd tgħid li ma ġietx ikkonsultata dwar il-ħażna tal-gass f’Marsaxlokk

Is-Segretarju tal-Koperattiva tas-Sajjieda Ray Bugeja qal li t-temp qalil li jolqot lil Marsaxlokk għandu jittieħed b’serjeta’ kbira meta tibda tiġi kkunsidrata l-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Bugeja insista li ma tkunx deċiżjoni għaqlija jekk il-Gvern ma jikkunsidrax l-impatt tar-riħ u baħar qawwi li jaħkem f’din il-bajja.

Qal li s-sajjieda ta’ Marsaxlokk u r-residenti huma estremament inkwetati bis-sitwazzjoni. Saħaq li t-tanker tal-gass mhux se jkun sigur f’din il-bajja.

Ray Bugeja staqsa għalfejn ma sarx impatt ambjentali marittimu qabel ma saret deċiżjoni bħal din. Saħaq li l-ebda uffiċċjal tal-Gvern jew Ministru ma ltaqa’ mal-koperattiva qabel ma kkunsidraw dan il-proġett. 

Espert marittimu jgħid li l-aktar inkwetanti hija l-kundizzjoni tal-vapur

Espert marittimu li tkellem ma' Newsbook.com.mt sostna li tanker daqshekk kbir ma jiġrilu xejn fil-maltemp. Qal li min jibni tanker bħal dan ikun awtorizzat u marbut b'regolamenti internazzjonali.

Sostna li huwa iktar ta’ tħassib ż-żmien u l-kundizzjoni preżenti tal-vapur. Finalment sostna li jekk ikun hemm il-bżonn minħabba l-maltemp, it-tanker jista' jiċċaqlaq għalkemm l-ideali li jkun dejjem ankrat f’post wieħed. 

Reazzjoni Gvern

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Bidja u s-Sajd jixtieq ifakkar li kontra dak li kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti, taħt din l-amministrazzjoni saru numru ta’ laqgħat b’mod regolari u skont il-ħtieġa. Is-Segretarjat jinstab mistgħaġeb b’dawn id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Bugeja wara li lbieraħ stess ikkonferma laqgħa mal-istess Segretarjat.
 
Dan barra laqgħat ta’ mill-inqas darba fix-xahar mal-ogħla uffiċjali fuq il-bord tas-sajd fejn ir-rappreżentanti tas-sajjieda kellhom kull opportunità li jqajmu kwistjonijiet relatati mas-settur. Għall-ewwel darba s-Segretarjat laqqa’ ż-żewġ koperattivi fuq mejda waħda fejn intlaħaq ftehim fuq l-istaġun tat-tonn.