Il-konvenju

Nista’ ninħall minnu? Kif jista’ jaqa’? Kemm idum validu? Kemm irrid inħallas fuq konvenju?

Il-konvenju huwa ftehim bejn il-partijiet fejn ix-xerrej iwiegħed li se jixtri u jakkwista l-proprjetà li l-bejjiegħ iwiegħed li se jbigħ u jittrasferixxi lilu. Dan il-ftehim huwa importanti għaliex joħloq rabta bejn il-partijiet li torbothom sal-kuntratt finali tal-bejgħ u l-ebda parti ma għandha d-dritt li unilateralment twaqqa’ l-konvenju u ma tidhirx għall-kuntratt finali ta’ bejgħ.

F’każ li xi waħda mill-partijiet ma tkunx trid tiffirma l-kuntratt finali ta’ bejgħ, allura l-parti l-oħra jkollha d-dritt li tfittex b’mod legali lill-persuna l-oħra u titlob lill-Qorti sabiex tinforza l-kuntratt tal-bejgħ billi ġġiegħel lill-parti l-oħra biex tidher u tiffirma l-kuntratt.

Jistgħu l-partijiet jinħallu minn dan il-ftehim?

Sakemm ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet li jtemmu l-konvenju, jew inkella sakemm ma sseħħx xi waħda mill-kundizzjonijiet indikati fil-konvenju, il-konvenju ma jistax jintemm minn parti waħda biss.

Barra minn hekk, jekk id-depożitu fuq il-konvenju jingħata bħala ‘depożitu akkont tal-prezz’ minflok bħala ‘kappara’, allura f’dan il-każ il-kuntratt finali ta’ bejgħ irid isir fiż-żmien stipulat. Jekk dan ma jseħħx, allura kwalunkwe parti għandha d-dritt li tinforza dan il-ftehim u tfittex lill-parti l-oħra sabiex din tidher fuq il-kuntratt finali ta’ bejgħ u tbigħ jew tixtri l-proprjetà, u dan minbarra d-dritt li għandha li tfittex għall-ħlas tad-danni li sofriet.

Fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, id-depożitu jingħata bħala ‘akkont tal-prezz’ u b’hekk il-konvenju jorbot lill-partijiet bl-obbligu strett u reċiproku li jidhru fuq il-kuntratt finali tal-bejgħ.

Mela kif jista’ jaqa’ konvenju?

Eżempju wieħed ta’ dan huwa meta titniżżel kundizzjoni li l-konvenju jkun suġġett li x-xerrej jingħata s-self minn bank lokali sabiex jixtri l-proprjetà. Jekk dan is-self ma jseħħx, allura x-xerrej ikollu d-dritt li jittermina l-konvenju u jitlob lura d-depożitu mħallas minnu fuq il-konvenju. 

Kemm idum validu l-konvenju?

Iż-żmien tal-validità tal-konvenju jiġi determinat mill-partijiet stess skont il-każ, iżda jekk ma jinkitibx fil-ftehim stess allura l-liġi tagħti validità ta’ tliet xhur.

Bilfors irid jitħallas xi depożitu?

Huwa interessanti li r-rabta tal-konvenju ma toħroġx mill-fatt li hemm depożitu mħallas iżda mill-fatt li l-partijiet iffirmaw skrittura privata bejniethom fejn obbligaw ruħhom favur xulxin. Fil-fatt għalkemm fil-prattika dejjem jitħallas 10% tal-prezz bħala depożitu, fil-verità ma hemm xejn fil-liġi li jispeċifika li dan irid iseħħ bilfors. Madankollu, f’każ ta’ self minn bank, il-bank jitlob li jkun hemm depożitu ta’ mill-inqas 10% tal-prezz fuq il-konvenju.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Dicembru