Il-kontroversja għal villa f’Ta’ Muxi issa każ magħluq – il-Kunsill tal-Qala

L-applikazzjoni kontroversjali għall-bini ta’ villa fiż-żona ta’ Muxi fil-Qala issa ġiet imwaqqfa għal kollox għaliex m’għadx hemm il-possibiltà ta’ appell għax iż-żmien skada.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Qala wera sodisfazzjon għal din l-aħbar bis-Sindku Paul Buttigieg qal li “mhux se tieqaf ir-reżistenza f’applikazzjonijiet li jirrovinaw lil Qala u lil Għawdex għal dejjem”.

Waqt seduta li saret quddiem it-tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill Lokali Qala u Din l-Art Ħelwa kienu rrapreżentati mill-Avukat Claire Bonello.

Il-Kunsill tal-Qala beda l-proċeduri legali s-sena l-oħra biex joġġezzjona formalment għall-iżvilupp ta’ kamra rurali f’ODZ biex issir villa.

Il-permess approvat f’Ottubru 2019
Permess biex għorfa fil-Qala tinbidel f’villa

F’Novembru li għadda, l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli rrinunzja l-permess mogħti mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ villa f’nofs l-għelieqi fuq art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp. Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent f’Diċembru kienet qalet li l-ERA kellha tappella dan il-permess sabiex jitneħħa l-preċedent li ġie kkreat meta ngħata tali permess.